Lokali Qorti

Simon Busuttil jirbaħ libell kontra Edward Scicluna

Il-Qorti tal-Maġistrati ddikjarat li l-kummenti li għamel l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil meta qal li li l-Ministru tal-Finanzi ta dak iż-żmien Edward Scicluna “kien imdaħħal f’investigazzjoni dwar il-ħasil tal-flus” mhumiex libellużi.

L-eks Ministru u gvernatur attwali tal-Bank Ċentrali kien fetaħ kawża għad-danni kontra lil fuq tweet li ppubblika f’Lulju 2019, fi żmien meta Scicluna kien qed jissemma bħala kandidat potenzjali għall-Kummissarju Ewropew. “Bħala pajjiż taż-żona tal-ewro jistax ikollna Ministru tal-Finanzi mdaħħal f’investigazzjoni dwar il-ħasil tal-flus. Għall-ġid ta’ pajjiżna Edward Scicluna  għandu jitlaq issa, almenu sakemm ikklerja ismu,” kien qal Busuttil fuq il-media soċjali..

Scicluna kien wieħed minn tliet Ministri li ġew investigati minn qorti dwar ftehim ta’ privatizzazzjoni għal tliet sptarijiet tal-istat, flimkien ma’ Konrad Mizzi u Chris Cardona. Sussegwentement huwa fittex lil Busuttil għal libell, u argumenta li t-tweet “ikkawżat ħsara kbira” u li l-Ministeru tal-Finanzi li mexxa ma kienx involut fil-ftehim tal-isptarijiet. Il-Kabinett ħa r-responsabbiltà kollettiva għal konċessjonijiet ta ‘servizz bħal dawn, huwa kien sostna.

Iżda l-eks Ministru ammetta wkoll li kien ġie mdaħħal fl-inkjesta maġisterjali li Busuttil għamel referenza għaliha fit-tweet tiegħu. F’sentenza nhar it-Tnejn filgħodu, il-maġistrat Rachel Montebello ċaħdet il-kawża ta’ liibell fejn irrimmarkat li dak li qal Simon Busuttil ma jikkostitwixxi l-ebda danni fil-konfront ta’ Edward Scicluna.

Busuttil kien ippubblika t-tweet meta l-president tal-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea Jean-Claude Juncker kien Malta, jitkellem ma’ kandidati prospettivi biex iservu flimkien miegħu fi Brussell.   Waqt is-smigħ ta’ dan il-proċess Scicluna kemm il-darba ma attendiex għas-seduti minkejja li ried li ismu jitnaddaf. Huwa kien iddeffenda l-assenza tiegħu minħabba l-budget u darba oħra minħabba li qal li kien ma jiflaħx. 

Fil-fatt il-Maġistrat Rachel Montebello kienet waslet f’punt li jekk l-eks Ministru tal-Finazi ma kien se jipprova l-każ kien ifisser li ma hemm l-ebda prova fuq dan il-libell. L-Avukat Peter Fenech deher għal Simon Busuttil.