Lokali Saħħa

“Bil-flus li qed jieħdu Steward, nistgħu nagħtu ħafna aktar lill-poplu Malti”

Gvern li ta' kuljum qed jisraq lill-poplu Malti l-miljuni

“Bil-flus li qed jieħdu Steward, nistgħu nagħtu ħafna aktar lil pajjiżna u lill-poplu Malti u Għawdxi kollu. Flus li jistgħu jintużaw għal servizz aħjar fis-settur tas-saħħa.”

Kien dan il-messaġġ li wassal il-Partit Nazzjonalista f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri u mid-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia.

Stephen Spiteri qal li l-poplu Malti huwa marbut bil-bejgħ tat-tliet Sptarijiet, fejn anke l-uniku sptar ta’ Għawdex ukoll inbigħ lill-privat.

Turija ċara ta’ kuntratt suċċess fil-ħela hekk kif il-kumpanija privata Vitals li daħlet għal dan il-kuntratt spiċċat sparixxiet b’38 milljun ewro fil-but, b’Ram Tumuluri telaq b’5 miljun ewro bonus… u dan kollu mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi.

Stephen Spiteri qal li b’dawn il-flus il-Gvern seta’ jagħti aktar mediċini lil pazjent morda bil-kanċer, jinveti iktar fis-saħħa mentali, iżid il-mediċini fuq il-formolarju tal-Gvern, jinvesti iktar f’xiri ta’ apparat modern u jżid ir-riżorsa umana.

Huwa qal li dan kollu huwa insult għall-poplu Malti u dan mhux qed jgħidu biss il-Partit Nazzjonalista iżda wkoll diversi unions. Kuntratt li sar favur il-kuntrattur…  kuntratt li ma wassal għall-ebda sptar ġdid ta’ 400 sodda f’Għawdex.

Stephen Spiteri qal li l-Partit Nazzjonalista jemmen li pajjiżna jixraqlu aħjar. L-Oppożizzjoni, bil-viżjoni tagħha qed tassigura li din is-sitwazzjoni tinbidel u dawn il-flus jintużaw għall-aqwa saħħa għall-poplu Malti u Għawdxi kollu.  

Min-naħa tiegħu d-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia fakkar kif hu fetaħ kawża l-Qorti sabiex dawn it-tliet sptarijist jerġgħu jingħataw lill-poplu Malti għax ta’ kuljum il-poplu għadu qed jinsteraq il-miljuni.

Saħaq li dan il-ftehim sar min wara dahar il-poplu fejn  minbarra li ngħataw dawn l-istparijiet lill-privat, il-Gvern kien obnligat li meta jagħtuna s-servizz, nibdew inħallsuhom il-miljuni fis-sena u ma’ kull sena jiżdied l-ammont.

Adrian Delia qal li fil-Qorti  stess il-kumpanija Stewart ammettiet dan il-falliment u serq hekkkif minflok it-300 miljun utilizzawhom u tejbu s-servizz, nefqu biss 60 miljun u kważi ma sar xejn. Huwa wera numru ta’ paġni mir-rapport li ġie ippreżentaw fil-Qorti li juru li l-upgrading li sar kien wieħed minimu ħafna. Dikjarazzjoni maħlufa minn Stewart stess.

Huwa żied jgħid li fil-mumnet li l-Prim Ministru Robert Abela jwaqqaf dan il-kuntratt, il-poplu Malti jkollu aktar flus li jistgħu jintużaw għal servizz ta’ saħħa aħjar.

Adrian Delia qal li dak li qed joħroġ mill-Qorti qed jagħti lil Robert Abela l-verità kollha ta’ dak li qed iseħħ…  iżda quddiem dan kollu… skiet totali mill-Prim Ministru.