Budget 2022 Lokali Turiżmu

“Bżonn ta’ pjan fit-tul għat-turiżmu”

“Qatt ma kellna kollass daqshekk kbir – kien drammatiku – hemm bżonn ta’ pjan fit-tul li jkun sostenibbli” -Kienet din l-istqarrija b’saħħitha li għamel il-President tal-Asoċċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) meta preżenta l-proposti għall-Budget li ġej lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.

Il-Kap tal-PN minn naħa tiegħu saħaq fuq l-importanza tas-sostenibiltà fejn spjega kif hemm bżonn pjanijiet short term, medium u long term.

Bernard Grech tkellem dwar l-importanza li l-PN minn dejjem ta lis-settur tat-turiżmu fejn stqarr li rridu nagħfsu fuq il-kwalità li jista’ joffri pajjiżna. Dan meta sfortunatament bħalissa isem pajjiżna jinsab fl-attenzjoni internazzjonali għal raġunijiet ħżiena fosthom wara l-greylisting tal-FATF.

Il-Kap tal-PN spjega wkoll li l-pajjiż ma jistax jibqa’ jbiddel b’mod radikali l-pjanijiet tiegħu minn lejl għal nhar kif kien qed jigri fl-aħħar snin u hemm bżonn li ma nibqgħux inħallu l-estetika u l-ambjent ta’ pajjiżna jitkissru bil-mod kif qed jitkisru.

Minn naħa tiegħu, Tony Zahra spjega li l-proposti tal-MHRA għat-turiżmu huma mibnija fuq tliet pilastri: People, Planet, Prosperity – Il-poplu, il-pjaneta u l-prosperità.

Il-President tal-MHRA spjega illi fejn jidħol turiżmu pajjiżna jrid iħares lil hinn mill-5 snin li ġejjin – eżatt kif qed jipproponi l-PN għas-settur tat-Turiżmu.

Dan meta fil-bidu tas-sena, il-PN preżenta aktar minn mitt proposta għal dan is-settur bl-isem ta’ 2+8 – pjan li jħares lejn l-irkupru mid-daqqa tal-pandemija fis-sentejn li ġejjin u pjan li jħares b’mod sostenibbli u fit-tul lejn it-tminn snin ta’ wara.

Għal din il-laqgħa, il-Kap tal-PN kien akkumpanjat mid-Deputati, Mario Demarco u Claudio Grech, u l-kandidat Joe Giglio.