Lokali

Għad m’hemmx ħjiel ta’ meta pajjiżna se joħroġ mill-greylist tal-FATF

It-tielet ġimgħa ta’ Ġunju li għadda kienet il-ġimgħa li fiha pajjiżna spiċċa fuq il-greylist tal-Financial Action Task Force (FATF). Matul il-jum tat-Tlieta, affaċjajna lill-Prim Ministru Robert Abela b’domandi dwar il-greylist fejn wara li tkellem fit-tul dwar il-Moneval, spjega li l-Gvern tiegħu naqas “f’żewġ affarijiet biss” u kien għalhekk li tpoġġejna fil-greylist. Fil-verità Malta ġiet greylisted għaliex l-FATF sabet nuqqasijiet fl-implimentazzjoni ta’ tliet affarijiet serji u mhux tnejn kif spjega Robert Abela. L-iktar li spikkaw kienu nuqqasijiet fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u qabel jiġu indirizzati serjament dawn it-tliet punti, Malta mhux se titneħħa minn din il-lista.

Staqsejna lil Robert Abela, fejn wasal il-Gvern Laburista fl-implimentazzjoni ta’ dak li ordnat l-FATF, issa li għaddew tliet xhur minn meta Malta ġiet miżjuda mal-greylist, flimkien mal-Ħaiti, il-Filippini u s-Sudan t’Isfel. Fir-risposta tiegħu l-Prim Ministru saħaq li ma jistax jagħti dettalji għaliex marbuta bil-kunfidenzjalità. U b’hekk jidher li ser nibqgħu ma nafux eżatt x’qed jagħmel Robert Abela biex pajjiżna joħroġ mill-greylist mill-aktar fis biex id-daqqa devastanti fuq diversi setturi importanti f’pajjiżna tibda tieqaf u ttihom ċans jibdew jirritornaw għal ħidma normali tagħhom. It-tliet punti li l-Gvern Laburista ingħata mill-FATF jiffurmaw parti minn pjan ta’ azzjoni li Robert Abela għandu jindirizza b’mod sħiħ. Fil-qalba ta’ dan il-pjan, hemm bżonn azzjonijiet fil-ġlieda kontra evażjoni fiskali.

Intant, staqsejna lill-Prim Ministru meta qed jippjana li pajjiżna joħroġ mill-greylist. U filwaqt li meta issa ilna aktar minn tliet xhur fuq il-greylist u filwaqt li Robert Abela ma tax data ta’ meta pajjiżna jista’ joħroġ mil-lista l-griża, fir-rapport tagħha l-FATF kienet spjegat li Malta spiċċat taħt il-lenti tagħha fl-2019 fejn fl-ewwel valutazzjoni, l-Gvern Malti falla f’disa’ minn 11-il kategorija.