Lokali

Ħaddiem jinstab mitluq fuq bankina, allegatament tħalla hemm wara li waqa’ f’sit ta’ kostruzzjoni

Storja li ħasdet lil bosta – l-aħbar li ġriet fuq il-media soċjali, dwar ħaddiem barrani li tħalla jokrob mal-art wara inċident fuq il-post tax-xogħol; inċident li qed ikun investigat mill-Pulizija.

Kien għall-ħabta ta’ nofsinhar, meta dan ir-raġel barrani ntlemaħ jokrob bl-uġigħ fuq bankina fi Triq Selmun, fil-Mellieħa.

Intqal li uffiċjali tal-Pulizija fil-komunità, li kienu jinsabu fiż-żona mill-ewwel waslu fuq il-post biex jassistu lir-raġel u fuq il-post minnufih issejħet ambulanza li ħadet lir-raġel l-isptar għall-kura. Hemmhekk ġie magħruf li qed isofri grieħi gravi.

F’post fuq Facebook, ingħad li r-raġel waqa’ żewġ sulari f’sit ta’ kostruzzjoni waqt li kien qed jaħdem fi Triq Dun Franġisk Sciberras fil-Mellieħa. Allegatament l-imgħallem tiegħu qallu li se jieħdu l-isptar madanakollu, huwa tefgħu fit-triq. Hija qalet li aktarx ir-raġel kien qed jaħdem bla permess u l-imgħallem tiegħu ma riedx jidħol fl-inkwiet.

Xi ħaga li għad trid tiġi konfermata mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija.

F’filmat li ġie ppubblikat ir-raġel jinstema’ jokrob bl-uġigħ u jgħid li ma jridx imut jew imur il-ħabs. Dak il-ħin il-Pulizija u t-tim mediku bdew jassigurawh li qegħdin hemm sabiex jgħinuh u provaw iżommuh kalm.

Intant il-Kap tal-PN Bernard Grech qal li jinsab ixxukkjat bħall-eluf li raw ir-ritratti ta’ persuna mormija mal-ġenb ta’ triq. Huwa tenna li kull bniedem għandu valur li jiżboq kwalunkwe prezz tax-xogħol li jista’ jagħmel.