Internazzjonali

Il-Ġermanja: Tamiet għal koalizzjoni fl-inqas żmien possibbli

Il-Partit SPD ( Soċjal Demokratiku) ta’ Olaf Scholz qed jistinka biex jasal għal ftehim ta’ malajr għal Gvern ġdid ta’ koalizzjoni wara li għeleb b’distakk żgħir lill-Unjoni konservattiva CDU-CSU (l-eks partit fil-Gvern) fl-elezzjoni federali tal-Ħadd.

Dan fost tħassib li l-Ġermanja, bħala l-akbar ekonomija tal-Ewropa, kapaċi tgħaddi minn ġimgħat ta’ inċertezza fi żmien meta l-pajjiż qed ifittex direzzjoni politika konkreta filwaqt li jħejji għall-isfidi tal-futur.

Intant, Olaf Scholz, il-kandidat taċ-ċentru-xellug għall-kariga ta’ Kanċillier, għadu jinsisti li l-Partit CDU taċ-ċentru-lemin – li kien ilu s-snin immexxi minn Angela Merkel li (għalissa) mistennija tkompli bħala Kanċillier f’kariga proviżorja – għandu jipprepara għal snin fl-Oppożizzjoni.

Dan wara li s-CDU, nhar il-Ħadd sofra l-agħar riżultat elettorali fuq livell nazzjonali fis-snin kollha li ilu mwaqqaf.

L-SPD u s-CDU, li sa ftit ilu kienu parti minn ‘koalizzjoni ewlenija’ it-tnejn kisbu taħt it-30 fil-mija tal-vot u ċ-ċirkustanzi attwali qed iqajjmu d-dubji dwar l-istabbilità tal-Gvern ġdid li għad irid ikun ikkonfermat.

Armin Laschet, il-kandidat tas-CDU, mhux jaċċetta li l-elezzjoni provdiet mandat ċar lil xi partit biex jifforma Gvern u meta għadu jittama li jista’ jmexxi koalizzjoni ġdida f’Berlin. Intant, Laschet xorta ma jidhirx daqstant konvint li se jirnexxi fil-pjan, b’xi alleati tiegħu wkoll jinsabu xettiċi li s-CDU jista’ jissieħeb f’koalizzjoni oħra.