Internazzjonali

Il-Korea ta’ Fuq tkompli bil-provi tal-missili

Il-Korea ta’ Fuq  reġgħet ippruvat missila għal fuq id-distanzi qosra, b’din il-missila tispiċċa fil-baħar, ‘il hinn mill-kosta tal-lvant. Dan wara li li l-ambaxxatur Korean komunista għan-Nazzjonijiet Uniti sostna li ħadd ma jista’ jiċħad id-dritt ta’ pajjiżu biex isaħħaħ il-kapaċitajiet għal difiża, fost il-provi tal-missili.

Aktar kmieni dan ix-xahar, ir-reġim fi Pyongyang wettaq provi għall-missili ballistiċi u tat-tip cruise – u meta, jiem ilu, il-Korea ta’ Fuq anki  esprimiet ir- rieda li tissieħeb fit-taħditiet mal-Korea t’Isfel rivali.

L-Istati Uniti, fl-aħħar sigħat, qalet, fi stqarrija, li kienet konxja mill-aħħar prova tal-Korea komunista — iżda spjegat li l-missila ma pprovdiet l-ebda theddida għall-militar Amerikan u l-alleati tiegħu fir-reġjun.

Madankollu, kelliema għall-US Indo-Pacific Command qalu li l-problema enfasizzat l-impatt tal-programm illegali tal-Korea komunista għall-iżvilupp tal-armamenti qerrieda bħala xi ħaġa li qed tiddistabbilizza dik iz-zona.

Mhux eskluż li l-aħħar missila pruvata setgħet kienet tat-tip ballistiku li hu projbit taħt is-sanzjonijiet tan-NU fuq dan il-pajjiż.