Lokali

Imfakkar it-30 anniversarju ta’ Net FM

Kien bħal-lum fl-1991 meta Net FM, dak iż-żmien Radio 101, beda jxandar.

Kien ftit wara d-9p.m. li nstemgħet l-ewwel jingle tal-istazzjon tar-radju l-ġdid u xxandar l-ewwel programm preżentat minn Charles Saliba, John Bundy u Jackie Bartolo mill-istudios f’San Ġwann.

Fl-1 ta’ Frar 1998, l-istudios ta’ Radio 101 ġew amalgamati mal-istruttura ta’ Media.Link Communications u minn San Ġwann, l-istazzjon iċċaqlaq lejn Tal-Pietà. Dan il-pass għen b’qabża oħra fil-kwalità tal-apparat u s-servizz offrut.

Fl-14 ta’ Diċembru 1999, isem l-istazzjon inkiteb ukoll fil-Guinness World Book of Records b’xandira ta’ 50 siegħa maratona non-stop.

Kapitlu ġdid fl-istorja ta’ dan l-istazzjon inkiteb fit-2 ta’ Lulju 2018 hekk kif Radio 101 biddel ismu għal Net FM, bħala parti minn eżerċizzju ta’ konsolidazzjoni tal-brand fuq il-mezzi kollha tax-xandir ta’ Media Link Communications.

Net FM illum huwa sinonimu ma’ programmi varji ta’ mużika, diskussjoni, ġrajjiet kurrenti, aħbarijiet, u pjattaforma li toffri spazju anke għal mużiċisti u kantanti li għadhom ġodda fix-xena lokali. Fuq kollox, Net FM jibqa’ mfakkar għall-fatt illi dejjem ta spazju lil talenti ġodda u żgħażagħ li llum saru ismijiet stabbiliti fix-xena tax-xandir.