Internazzjonali

Ir-Renju Unit: L-Armata fuq ‘standby’ biex ittaffi l-kriżi tal-fuel

Ir-Renju Unit qed ikompli jiffaċċja kriżi fid-distribuzzjoni tal-fuel fost is-sejħiet biex il-ħaddiema fl-aktar oqsma kruċjali – inklużi s-setturi tas-saħħa u s-servizzi soċjali – jingħataw aċċess għall-fuel bi priorità f’ċerti sitwazzjonijiet.

Sadanittant, l-Armata ssejħet fuq ‘standby’ biex tgħin tnaqqas il-problemi relatati mal-provvista tal-fuel. Dan wara ġranet konsekuttivi ta’ kjuwiet twal u meta anki kienu kostretti li jagħlqu diversi stazzjonijiet tal-petrol.

Sa 150 sewwieqa tat-tankers fl-aħħar sigħat kienu qed iħejju biex iwasslu l-fuel lejn il-forecourts li spiċċaw qoxqox minħabba li n-nies xtraw aktar fuel milli kienu jeħtieġu bħala eżempju ċar ta’ ‘panic buying’.

U l-ispinta fid-domanda għall-petrol żdiedet fost l-inkwiet li n-nuqqas tas-sewwieqa li kapaċi jsuqu t-tankers għandu jkompli jaffettwa ħażin il-provvista tal-fuel għall-ħteġiet tal-poplu.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju tat-Trasport Britanniku, Grant Shapps, qal li ‘il-paniku beda jonqos fost in-nies’ meta fl-aħħar sigħat żdiedu xi servizzi relatati mad-distribuzzjoni tal-fuel f’numru ta’ stazzjonijiet tal-petrol. Hu kkalkulat li fir-Renju Unit hemm nuqqas ta’ ‘il fuq minn 100,000 sewwieq tal-lorries u dan qed jikkaġuna l-problemi għall-industriji, fosthom l-entitajiet li jqassmu l-ikel u s-supermarkets.

Kelliema għall-Gvern Britanniku qalu s-sitwazzjonijiet fejn in-nies xtraw il-fuel mingħajr bżonn irriżultaw fi kjuwiet f’ħafna stazzjonijiet tal-petrol, bil-konsegwenza li l-provvisti spiċċaw qabel suppost.

Mill-Ġimgħa ‘il hawn, il-prezz ta’ litru petrol unleaded fil-pajjiż beda jinbiegħ għall-ogħla prezz fi tmien snin – bl-awtoritajiet jinnutaw li xi bejjiegha tal-ingrossa żiedu l-prezzijiet kif jaqblilhom fost l-ispinta fid-domanda ġenerali.

Is-Segretarju Britanniku responsabbli min-negozju, Kwasi Kwarteng, qal li l-miżura biex l-Armata titqiegħed fuq standby fiċ-ċirkustanzi għandha titqies bħala ‘prekawzjoni għaqlija’. Hu sostna li f’każ li t-truppi jispiċċaw stazzjonati fis-siti għad-distribuzzjoni tal-fuel, dawn għandhom jipprovdu kapaċità addizzjonali lis-sistemi relatati u li tnaqqas mill-pressjoni tad-domanda għall-fuel.

Dan meta għexieren ta’ sewwieqa militari jinsabu preparati għal din is-sitwazzjoni u meta huma jeħtieġu l-ġranet tat-taħriġ speċjalizzat. Madankollu, l-użu ta’ dawn is-sewwieqa qed jitqies bħala ‘l-aħħar għażla’ f’każ li s-sitwazzjoni ma tistabbilizzax sa imqar jumejn oħra.