Internazzjonali

L-Olanda: Theddida lill-Prim Ministru Rutte

Żdiedet is-sigurtà madwar il-Prim Ministru Olandiż, Mark Rutte, fost l-inkwiet li kapaċi jisfa l-mira ta’ attakk minn grupp ta’ kriminali. Fiċ-ċirkustanzi lanqas mhi eskluża l-possibbiltà ta’ attentat biex jinħataf il-Prim Ministru.

Ir-rapporti qalu li l-passi ta’ Rutte qed ikunu segwiti minn ‘spotters’ b’rabtiet ma’ entitajiet kriminali, bil-media Olandiża tenfasizza li s-sitwazzjoni qed tittieħed bl-akbar serjetà mill-awtoritajiet tal-pajjiż. Intant, dawn l-awtoritajiet mhumiex lesti jikkummentaw dwar l-aħħar żviluppi.

It-theddida inkwistjoni qed tkun żvelata ftit wara l-omiċidju tal-ġurnalista Olandiż magħruf, Peter R de Vries, li kien jinvestiga l-attivitajiet tal-gruppi mafjużi fl-Olanda. Il-qtil, f’Lulju, ta’ de Vries, li spiċċa vittma ta’ sparatura, ixxokkja lill-pajjiż fejn sar komuni l-qtil relatat mal-kriminalità organizzata.