Lokali Qorti

Ma sar l-ebda rapport lill-Pulizija minn Yorgen Fenech kontra Jason Azzopardi u Manuel Delia

Il-Kummissarju tal-Pulizija qal fil-Qorti li ma ġie ppreżentat l-ebda rapport lill-Pulizija minn Yorgen Fenech kontra d-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi jew il-blogger Manuel Delia. Fenech kien ippreżenta protest ġudizzjarju x-xahar li għadda, fejn sostna li l-imputati wettqu attakk sistematiku fuq ir-reputazzjoni tal-imħallef Giovanni Grixti qabel ma dan tal-aħħar iddeċieda dwar il-pleġġ ta’ Fenech.

Fenech jinsab mixli għall-kompliċità fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia fl-2017 u l-Prosekuzzjoni qed titlob sentenza ta’ għomor il-ħabs. Fi protest ġudizzjarju ppreżentat quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, l-avukati ta’ Fenech kienu spjegaw li fis-16 ta’ Awwissu, huma kienu ppreżentaw applikazzjoni għall-libertà proviżorja, li mbagħad ingħatat fis-seduta fit-18 ta ’Awwissu.

Dakinhar, il-Qorti, ppreseduta mill-Imħallef Giovanni Grixti, kienet idifferit l-każ għal deċiżjoni mhux minn ‘open court’, (mis-sigrieta.) Fenech kien qal li “l-għada waqt li l-Imħallef Grixti kien qed jiddelibera dwar id-digriet tal-pleġġ, l-avukat tal-parte civile Jason Azzopardi, flimkien mal-blogger Manuel Delia bdew attakk sistematiku kontra l-Imħallef Grixti, fejn insulentawh, f’dak li skont l-istess Fenech, bħala sforz ikkonċentrat biex tiġi nfluwenzata d-deċiżjoni tal-pleġġ. ”

Grixti eventwalment ċaħad il-libertà proviżorja ta’ Fenech. Delia fuq il-blog tiegħu u Azzopardi fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook kienu ħarġu istorja li l-Imħallef kien xtara ‘motor yacht’ ta’ 50 pied, jismu Spensierata, mingħand missier Fenech, George, fl-2008 meta kien diġà Maġistrat.

L-avukati ta’ Fenech allegaw li Azzopardi kien insinwa li l-Imħallef kien preġudikat, parzjali u diżonest, u rrimarkaw li huwa kien kiteb ukoll lill-Prim Imħallef fejn talbu li jintervjeni. Fenech ilu miżmum f’kustodja preventiva għal dawn l-aħħar sentejn.

It-talba tiegħu għall-ħelsien mill-arrest kienet ġiet ippreżentata ġranet wara li l-Avukat Ġenerali kien ħareġ l-Att tal-Akkuża dwar Fenech, u effettivament reġġa lura mill-ġdid l-arloġġ fuq il-ħelsien mill-arrest awtomatiku eżatt qabel ma kien spiċċa, bil-kumpilazzjoni quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello tieqaf hemm.

L-avukati tiegħu argumentaw li l-azzjonijiet ta’ Azzopardi u Delia kienu jikkostitwixxu reat kontra l-amministrazzjoni tal-ġustizzja li jista’ jitressaq quddiem il-Qorti eks officio, li ma jeħtiġux l-ilment tal-parti danneġġjata. Il-Pulizija kienu diġà ġew mgħarrfa b’dan, qalu l-avukati, u spjegaw li ma kinux mgħarrfa jekk il-pulizija kinux bdew jinvestigaw il-pubblikazzjonijiet.

Fi kontroprotest ppreżentat, il-Kummissarju tal-Pulizija qal lill-qorti li ma kien hemm l-ebda rapport formali ppreżentat minn Fenech u li b’riżultat ta’ dan, huwa kien qed jieħu l-protest ġudizzjarju bħala rapport informali li fih informazzjoni li għandha tingħata lill-pulizija.

Qal ukoll li l-pulizija diġà ġew mgħarrfa bil-kwistjoni u talabhom jinvestigaw. Il-Kummissarju f’kontro-protrest li għamel ċaħad kategorikament u formalment l-allegazzjonijiet u talab li jieqaf milli jagħmel aktar allegazzjonijiet “bla bażi, frivoli u vessatorji”. L-Avukat tal-Istat Chris Soler u l-avukat Maurizio Cordina ffirmaw il-kontro-protest.