Lokali

“Nagħtu valur lil dak li verament jixraqlu valur” – Bernard Grech

“Wasal iż-żmien li nagħtu valur lil dak li verament jixraqlu valur” – Kien dan il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta ltaqa’ mal-Kummissarju għall-Volontarjat Jesmond Saliba.

Jesmond Saliba beda jassumi din il-kariga fl-aħħar ġimgħat wara vot parlamentari li sab l-appoġġ sħiħ tal-grupp Parlamentari kollu tal-PN. Filfatt, fil-bidu ta’ din il-laqgħa, il-Kummissarju rringrazzja lill-Bernard Grech ta’ dan u saħaq li kienet ix-xewqa tiegħu li jkun preżenti għal din il-laqgħa f’mument hekk kritiku għas-settur tal-volontarjat.

Il-Kap tal-PN saħaq li kuntent bl-għażla tal-Kummissarju l-ġdid għaliex jaf kemm hu għal qalbu dan is-settur fejn saħaq fuq l-importanza li nifhmu d-diffikultajiet li qed jgħaddu minnhom persuni u entitajiet li jaħdmu fil-volontarjat. Bernard Grech saħaq li wasal iż-żmien li ngħatu valur lil dak li verament jixraqlu valur għaliex li tagħti servizz mingħajr flus huwa xogħol indispensabbli ħafna għall-komunità kollha.

Minn naħa tiegħu l-Kummissarju għall-Volontarjat sostna dwar l-importanza tal-valur iktar mill-importanza tal-prezz għaliex in-nies fil-volontarjat jagħtu kollox għal dan is-settur.

Għal din il-laqgħa li saret fid-Dar Ċentrali, Bernard Grech kien akkumpanjat mill-Viċi Kap tal-PN David Agius u d-Deputat Kevin Cutajar li t-tnejn jaħdmu fil-qrib ħafna tas-settur tal-volontarjat.