Lokali

Opera-film bis-sehem ta’ diversi studenti

L-Opera-Film BLAT – The Island Fortress, li parti minnu qed jinħadem ġewwa l-Forti Sant Iermu, qed jieħdu sehem fih diversi studenti mill-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli, li tħarrġu fl-oqsma tal-Arti, Drama, Żfin, Mużika u Film bl-għajnuna ta’ professjonisti speċjalizzati.

Din il-produzzjoni tirrikjedi ħidma estensiva u l-għajnuna ta’ diversi individwi fosthom Produttur Eżekuttiv, id-Direttur Artistiku, id-Direttur tal-Film u l-Assistenti tiegħu, il-Korjagrafu, l-Operatur tas-Set, l-Artisti li jieħdu ħsieb ix-xagħar u l-irtokk, Maniġer tas-Sit, Segretarju tal-Produzzjoni, Assistenti tal-Produzzjoni, Maniġer tal-Produzzjoni, Disinjatur tal-Produzzjoni, il-Kantanti solisti, il-Kantanti tal-kor, il-Kostumisti, il-Locations Manager,  id-Direttur tal-Fotografija u s-Sound Operators fost oħrajn.

Diversi studenti li qegħdin jieħdu sehem fil-ġbid tal-Film qed jieħdu diversi rwoli bħalma huma l-atturi extras. Hemm kor iffurmat minn mill-istudent tal-vuċi ż-żgħar (ensemble mill-Iskola tal-Mużika ta’ Malta) kif ukoll il-kor tal-kbar li kien magħmul minn studenti li avvanzaw fl-istudji tal-vuċi.

“Din il-produzzjoni ġabet bidla fil-mod ta’ kif jopera l-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli: Amministraturi tal-iskejjel speċjalizzati ħadu fuqhom irwoli oħrajn. Primarjament dak li jikkordinaw id-direzzjoni artistika u mużikali, filwaqt li mmotivaw lill-għalliema fl-iskejjel tagħhom kif ukoll studenti mid-dixxiplini artistiċi rispettivi sabiex jieħdu fuqhom irwoli differenti minn dawk li normalment jieħdu, u jassistu sabiex joħolqu sinerġija bejn id-dixxiplini varji tad-danza, tad-drama, tal-arti u tal-mużika,” tenna Victor Galea, il-Kap tal-Kulleġġ.

Din il-produzzjoni offriet opportunità tad-deheb lill-istudenti li jitħarrġu f’waħda mill-iskejjel fi ħdan il-Kulleġġ, sabiex japplikaw dak li jitgħallmu billi jaħdmu mill-qrib ma’ diversi professjonisti fl-industrija tad-divertiment u l-kultura. B’kollox kienu involuti 300 student mid-dixxiplini differenti li jkopri l-kulleġġ. Il-poster u l-logo tal-Opera-Film BLAT – The Island Fortress wkoll ġie ddisinjat minn studenta – Kirsty Merciecastudenta tal-arti diġitali li tattendi l-Iskola tal-Arti Viżiva u Performattiva t’Għawdex.

BLAT – The Island Fortress, xogħol tal-kompożitur Dr Reuben Pace u kitba ta’ George Peresso u Amy Borg teħodna lura fil-Belt Valletta fiż-żmien it-Tieni Gwerra Dinjija. Issa li għadha kemm bdiet il-ħidma fuq il-post production tal-filmati li ttieħdu, il-ħsieb hu li dan l-Opera-Film jintwera għall-ewwel darba fl-ewwel kwart tas-sena 2022.