Lokali

Skeda ġdida iżda l-istess kontenut

L-Iskeda l-ġdida ta’ Television Malta bidlet ftit l-estetika ta’ dak li jidher fuq it-Television iżda mhux il-kontenut.

L-Aħbarijiet tat-8pm li issa qed jixxandru direttament fuq żewġ stazzjonijiet komplew bid-doża qawwija ta’ aħbarijiet li jagħtu prominenza lid-deċiżjonijiet tal-Gvern iżda qajla jgibu l-fehma tal-Oppożizzjoni jew ta’ dawk milquta mid-deċiżjonijiet li jittieħdu.

Fl-ewwel bulettin tal-iskeda l-ġdida, il-PBS iddedika iktar minn nofs l-aħbarijiet, eżattament, tnejn u ħamsin fil-mijja tal-ħin jirraporta dak li organzzaw il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari waqt li l-Oppożizzjoni ingħatat 70 sekonda biss minn bulettin ta’ iktar minn 30 minuta.

L-aħbarijiet ta’ TVM ta’ kuljum jinsab li huma aħbarijiet tal-poplu u jagħżlu biss ikunu notice board tal-attivitajiet tal-Gvern. Perezempju, għal TVM mhix aħbar li timmerita rappurtaġġ li residenti tal-Għarghur huma kontra applikazzjoni għal 4 blokkok appartamenti, skont konferenza tal-aħbarijiet li saret minn għaqda ambjentali.

Din qatt ma ġiet irrappurtata fuq TVM, iżda x-Xandir Pubbliku sabet biss ħin tirraporta li l-Gvern se jinvesti Eur 300,000 biex iħaddar 11 -il lokalita. Analisti tax-xandir qalu li dan hu fejn TVM ta’ kuljum jiżbilanċja u ma jagħtix l-istampa kollha ta’ dak li jiġri fil-pajjiż. Il-Kamra tal-Aħbarijiet tagħmel minn kollox biex tirraporta l-affarijiet li jitfgħu lill-Awtoritajiet f’dell pożittiv iżda tħalli barra l-pre-okkupazzjonijiet tal-pubbliku.