Ikkonfermata Fake News oħra tal-media Laburista hekk kif il-Qorti lliberat lid-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina mill-akkużi li saru fil-konfront tiegħu wara video imxandar fil-programm Pjazza, Karl Stagno Navarra.

Fl-ewwel kummenti li ta, Aquilina sostna li Stagno Navarra u l-ONE gidbu meta xlewh ma’ Malta u Għawdex kollha li pprova jtajjar u jweġġa’ uffiċjali tal-Pulizija. Tant din kienet gidba, li lanqas il-Pulizija ma ġabu din l-akkuża fil-Qorti.
Stqarrija tal-PN
Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech feraħ lid-deputat Karol Aquilina, li aktar kmieni llum ġie lliberat mill-Qorti minn kull akkuża wara tentattiv tal-Partit Laburista li jtappan ir-reputazzjoni tad-deputat.
Karol Aquilina kif titlob ir-responsabiltá politika kien irriżenja minn kelliem għall-Ġustizzja u minn Segretarju tal-Grupp Parlamentari meta l-pulizija kienet resqet l-akkużi fil-konfront tiegħu għal-liema akkużi huwa ħareġ liberat.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista irringrazzja lil Karol Aquilina għal mod serju u eżemplari li mexa bih matul il-perkors li ħadet il-ġustizzja, filwaqt li reġa’ appuntah fil-karigi li kien qed jokkupa qabel feġġew l-akkużi.
Bernard Grech irringrazzja wkoll lil Robert Cutajar u lil Joe Ellis talli fil-perjodu li kien warrab minn jeddu Karol Aquilina kienu ġew inkarigati jieħdu f’idejhom l-irwol ta’ Segretarju tal-Grupp Parlamentari u Kelliem tal-Ġustizzja rispettivament.
Dan hu it-tieni każ fi ftit ġimgħat li esponenti tal-Partit Nazzjonalista ħarġu lliberati wara t-tentattivi tal-Partit Laburista li pprovaw itappnu x-xogħol u r-reputazzjoni tagħhom.
Il-Partit Nazzjonalista jitlob li ssir investigazzjoni biex ikun stabbilit kif filmat intern tal-pulizija ġie mgħoddi lil Karl Stagno Navarra u mmanipulat biex bih iwettaq kampanja ta’ assassinju tal-karattru kontra deputat tal-Partit Nazzjonalista.