Preżentament qed tiġi organizzata Konferenza Nazzjonali tal-Partit Nazzjonalista dwar it-Tibdil fil-Klima, sabiex jitħabbtu l-ideat ta’ diversi esperti dwar kif tassew pajjiżna jista’ jwettaq is-sehem tiegħu bħala parti minn din il-missjoni.
Din il-konferenza, organizzata f’Ċentru tal-Konferenzi f’San Ġwann, infetħet mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fejn insista li kuxjenza u azzjoni serja fuq it-tibdil fil-klima mhux biss ngawdu l-frott minnha aħna iżda ċertament li tkun garanzija għal ħajja aħjar għal uliedna u ulied uliedna.
Tul din il-konferenza qed jipparteċipaw diversi Membri Parlamentari u kandidati tal-PN kif ukoll numru ta’ esperti fil-qasam fejn saħqu dwar l-importanza li l-Gżejjer Maltin jagħmlu qabża effettiva fil-mentalità.
L-ewwel kelliem kien Malcolm Borg, Deputat Direttur tal-Agrikummerċ fl-MCAST fejn saħaq li l-agrikoltura, l-aktar settur underestimated u l-aktar settur li għandu potenzjal f’pajjiżna. Huwa insista li fl-aħħar 3 snin pajjiżna tilef 250 ground tal-futbol f’art agrikola. Borg saħaq li għandna ħafna raba li qed jittieħed minn ħalq il-bdiewa…u li qed nissagrifikaw settur għal kapriċċi.
Malcolm Borg spjega li l-futur fl-agrikoltura huma ż-żgħażagħ…li sfortunatament ftit li xejn huma attirati lejn dan is-settur u insista li dan is-settur jinsab taħt theddida mingħajr bdiewa ġodda. Intant stqarr li l-prijorità f’dan il-qasam mhux li naqdu lil min nafu..iżda min verament għandu bżonn ankè fi kwistjoni ta’ nuqqas ta’ ilma – problema li bżonn tiġi indirizzata mill-aktar fis.
Tkellem ukoll l-Ambaxxatur għall-Olanda f’Malta Frank Keurhorst fejn saħaq dwar il-bżonn li Malta tadatta għall-ambjent ta’ madwara bħal ma’ seħħ f’pajjiżu.
Huwa insista dwar il-fatt li għandna nużaw kull riżorsa possibli bħal fost oħrajn l-alka tal-baħar li tista tintuża bħala fertilizzant. Filwaqt li insista li f’Malta u Għawdex, bħal Olanda, hemm bżonn li nużaw aktar mezzi ta’ trasport alternattivi – bħar-rota.
Fl-intervent tagħha, Dr. Roberta Lepre saħqet li t-tibdil fil-klima huwa ta’ theddida għad-drittijiet umani għaliex jaf iwassal għal riżultati diżastrużi fosthom soċjo ekonomiċi, saħħa u aktar. Dan hekk kif saħqet li bit-temperaturi għoljin tasal in-nixfa li tissarraf f’nuqqas ta’ ikel. Kif ukoll ikun hemm ir-riskju li persuni jitilfu djarhom kawża ta’ diżastri naturali.
Hija insistiet li primarjament l-Istat huwa responsabbli sabiex id-drittijiet taċ-Ċittadini ma jiġux imċaħħda iżda mhux biss. Għaldaqstant hija spjegat li għad fadal ħafna xi jsir id f’id mal-bqija tal-pajjiżi.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent Robert Cutajar insista li pajjiżna jrid jimxi lil’hinn minn fuq il-karta u jibda jieħu verament bis-serjetà din is-sitwazzjoni. Huwa rringrazzja lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor jagħtu l-kontribuzzjoni tagħhom fil-qasam tal-agrikoltura u stqarr li pajjiżna lesti jagħti l-kontribut tiegħu f’din l-isfida dinjija.
Huwa fakkar li l-politiċi għandhom obbligu li jassiguraw li l-ġenerazzjonijiet futuri jkollhom ambjent u ħajja aħjar…mhux bil-paroli u l-billboards iżda b’azzjonijiet serji u konkreti.
Tkellem ukoll il-Kelliem Ewlieni tal-Partit Nazzjonalista Peter Agius fejn saħaq li din is-sitwazzjoni hemm bżonn li nieħdu din l-isfida b’serjetà kbira u nkunu ambizzjużi aktar bħala pajjiż. Huwa fakkar li hemm bżonn li verament naprezzaw l-ikel frisk Malti u ma nieħdu xejn for granted. Għaldaqstant appella sabiex verament naprezzaw il-prodott Malti u nikkonsmawh aktar.
Il-miri ewlenin li qed jipproponi l-Partit Nazzjonalista huwa li sal-2030 jkollna dikarbonizzazzjoni bi sħiħ, it-tħaris tal-bijodiversità u ekonomija li tħares tassew l-ambjent ta’ madwarna. Dan filwaqt li hemm il-bżonn li tassew bħala pajjiż nimxu ‘l bogħod milli nkunu dipendenti fuq il-vetturi li jħammġu l-arja ta’ madwarna u nersqu aktar qrib trasport sostenibbli filwaqt li nuru solidarjeta sħiħa ma persuni u żoni affettwati minn tniġġis.
L-inġinier Chris Ciantar insista li l-bdiewa Maltin jimpurtaw fertilizzant filwaqt li fil-verità għandna dak naturali. Huwa saħaq li t-tibdil fil-klima mhux xi ħaġa tal-futur iżda hija realtà li qed jgħixu magħha l-bdiewa li jkabbru l-patata u dawk li ilhom ma jaraw nixxigħat tal-ilma fl-għelieqi tagħhom is-snin.
Huwa saħaq li hemm bżonn nedukaw u nattwaw dak li hemm bżonn li jsir sabiex verament nimxu lil’hinn mill-paroli u nibdew naraw il-fatti jsiru.
Tkellmet Michaela Pia Camilleri mill-grupp Extinction Rebellion Malta fejn insistiet li d-dmir tal-Gvern huwa li jipproteġi liċ-Ċittadin Malti u Għawdxi, bil-kostituzzjoni tisħaq li l-Istat irid jikkonserva l-ambjent u l-pajsaġġ Malti…inkluż l-arja u kull problema ta’ tniġġis..iżda dan mhux qed iseħħ. Hija insistiet li l-karba tal-poplu qed tiġi injorata filwaqt li insistiet li l-Gvern qed jitratta lil persuni bħala pedina…u jneffaħ il-bwiet tal-ftit a skapitu tal-ambjent u l-arja ta’ madwarna.
Camilleri appellat lill-Gvern sabiex jieqaf iwebbes rasu u jieqaf jibbaża kollox fuq il-profitti tas-sinjuruni iżda jiffoka iżjed fuq il-kwalità ta’ ħajja tajba għal ġenerazzjonijiet futuri. Hija fakkret li t-temperaturi qed jiżdiedu sena wara oħra u għalhekk insistiet dwar ekonomija li tħares lejn żvilupp sostenibbli. Dan filwaqt li stqarret li l-Istat għandu dover li jieħu ħsieb liċ-ċittadini tiegħu, “Ħadd m’għandu dritt jippupazzja bil-ħajja tan-nies!”
Dan filwaqt li Dr. John Paul Cauchi, tabib, riċerkatur u konsulent ma’ HPDP MALTA saħaq li t-tibdil fil-klima hija theddida kbira kemm fuq saħħitna kif ukoll tpoġġi l-umanità f’riskju kawża tad-diżastri naturali. Huwa fakkar li l-kosta Maltija u Għawdxija diġà bdiet tħabbat wiċċha ma kriżijiet bla preċedent – filwaqt li insista li l-allerġiji fil-popolazzjoni Maltija qed jiżdiedu…kawża tat-temperaturi għoljin.
Dr. Cauchi saħaq li filwaqt li l-agrikoltura f’pajjiżna qed intuha bis-sieq…minn ‘il fuq minn 8,000 borehole tal-ilma…huma biss ftit aktar minn 3,000 li qed nosservaw permezz ta’ metre. “Malta qed tħabbat wiċċha ma’ riskju serju ta’ deżertifikazzjoni….hemm bżonn li nkunu aktar attenti.”
Huwa saħaq li fil-verità dan kollu jġib aktar mard, u insetti li m’aħniex mdorrijin għalihom li jġorru tali mard. Intant fakkar ukoll li dan kollu jwassal għal daqqa ta’ ħarta fuq is-saħħa mentali u dan mhux biss – għaliex it-tibdil fil-klima se twassal għal immigrazzjoni bla ebda preċedent.
F’diskors insistenti Dr. Cauchi saħaq li s-sistema falliet…u ma nistgħux nibqgħu ngħidu li hemm bżonn nagħmlu xi ħaġa u ma nagħmlu xejn,”Malta spiċċat donnha favela…ma nistgħux nibqgħu ngħixu b’dan il-mod..qalb il-blokok tat-Tetris tal-konkrit”
Fost il-kelliema kien hemm ukoll Paul J. Pace mill-Fakultà tal-Edukazzjoni fi ħdan l-Università ta’ Malta u ko-ordinatur Nazzjonali ta’ EkoSkola fejn saħaq li hemm bżonn li fil-politika nammettu li żbaljajna u nitgħallmu mill-iżbalji bil-għan li verament tittieħed azzjoni. Għaliex, saħaq, li sfortunatament trid tinqala’ kriżi biex is-soċjetà tibda taħdem fuq xi ħaġa.
Huwa insista li hemm bżonn il-kuraġġ sabiex il-miżuri kollha meħtieġa jittieħdu bil-għan li verament naslu għal bidla favur it-tibdil fil-klima. Pace appella sabiex l-adulti jagħtu każ b’mod serju l-appelli ta’ uliedna, u importanti li noħolqu strutturi biex ikollhom leħen għal futur tagħhom, “Ma nistgħux nibqgħu niggustawhom u nibqgħu ninjorawhom”
Janice Chetcuti, il-persuna li qed tmexxi PN Greens insistiet li hemm bżonn li aħna lkoll flimkien ngħixu ħajja aktar sana.. u dan jasal biss b’governanza li tpoġġi l-ambjent fi prijorità. Hija fakkret li illum għandna nitkellmu fuq Environmental Rule of Law.
Dan filwaqt li insistiet li ċ-ċittadini qed jitkarrbu għal arja aktar nadifa u sostniet li hawn bżonn ta’ aktar pulmuni ħodor. Intant spjegat li l-ambjent mhux biss is-siġar u l-fjuri… iżda ankè l-pajsaġġi fejn nistgħu nagħmlu eżerċizzju fiżiku kif ukoll ngawdu l-ambjent ta’ madwarna flimkien mal-familji tagħna.
Sandrine Borg mill-Kunsill Nazzjonali Żgħażagħ stqarret li t-Tibdil fil-Klima hija l-pandemija li d-dinja ilha żmien twil tiddeċiedi li tinjora u tixħet taħt it-tapit. Dan filwaqt li saħqet li r-riskju ta’ diżertifikazzjoni f’pajjiżna hija theddida reali u hemm bżonn li nadattaw.
Hija faħħret l-opportunitajiet li tawha EkoSkola, imwaqqfa fl-2002 taħt Gvern Nazzjonalista, fejn insistiet li grazzi għall-edukazzjoni provduta lilha, hija tinsab konxja mill-perikli li qed inħabbtu wiċċna miegħu. Dan filwaqt li spjegat dwar l-importanza li ż-żgħażagħ verament jingħataw leħen.
Il-Professur Maria Attard Direttur tat-Tibdil fil-Klima u Żvilupp Sostenibbli fi ħdan l-Università ta’ Malta tkellmet dwar soluzzjonijiet rigward kif Malta tista timxi lejn trasport tal-massa sostenibbli. Hija saħqet li l-politiċi m’għandhomx jibżgħu mill-bidla u ma hemm ebda lok għal aktar skużi.
Prof. Attard saħqet li għandna nibdew nieħdu ħsieb it-toroq tagħna, nagħmluhom aktar siguri..u nippromwovu l-użu ta’ trasport pubbliku. Iżda aktar minn hekk, hija sostniet li għandna nħarsu lejn trasport tal-massa…u nadattaw għal sistemi ta’ mobilità aktar effiċjenti. Dan filwaqt li dejjem nżommu f’moħħna l-ambjent ta’ madwarna. “Jekk nitilqu niġru qabel nitgħallmu nimxu..tkun problema kbira”
Fl-intervent tagħha, Dr. MIchelle Attard Tonna – mill-NGO Rota saħqet li ċ-ċifri iswed fuq l-abjad juru biċ-ċar li Malta mhux qed tilħaq il-miri sostenibbli filwaqt li ddeskriviet il-kwalità tal-arja f’pajjiżna hija waħda “orrenda.” Hija stqarret li filwaqt li l-karozzi tal-elettriku ċeetament mhux se jsolvu l-problema ta’ traffiku f’pajjiżna….ftit huma dawk il-persuni f’Malta li verament jifilħu jixtru vettura ta’ dik ix-xorta.
Dr. Attard Tonna appellat għal bankini aktar siguri sabiex naħsbu fl-anzjani, għal dawk il-persuni li jagħmlu użu minn wheelchair u għal puschairs fost oħrajn. Hija appellat li ma nistgħux nibqgħu ninvażu kullimkien bl-asfalt u l-konkrit…saħansitra fiż-żoni rurali ta’ pajjiżna.
Dan filwaqt li saħqet li pajjiżna qed jiddiskuti fuq il-mina bejn Malta u Għawdex u l-Metro…u preżentament lanqas biss kapaċi nieħdu ħsieb min isuq bir-rota…b’lift ma jaħdmux, pontijiet ineżistenti, ħofor perikolużi, arbli f’nofs il-bike lanes u agħar minn hekk bike lanes li jagħtu għal nofs it-traffiku.
Hija saħqet li kulħadd għandu dritt għar-rispett – ankè dawk li ma jfissrux “voti biżżejjed” – filwaqt li appellat għall-obbligu morali mill-Istat.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Tibdil fil-Klima David Thake saħaq li r-rapporti dinjija jitkellmu ċar ħafna, rigward it-tibdil fil-klima l-umanità preżentament qed tfalli u għalissa se nkunu qed insofru l-konsegwenzi. Iżda insista li jekk kulħadd jagħmel il-biċċa tiegħu – nkunu qed nissalvagwardjaw il-ġejjieni ta’ uliedna sabiex ma jkunux agħar.
Huwa saħaq li r-realtà hi li pajjiżna huwa ċkejken iżda xorta waħda għandna nagħmlu dak kollu possibli sabiex ninċentivaw it-tibdil tal-imġieba sabiex iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin jgħixu ħajja aħjar u jgawdu minn arja nadifa.
David Xuereb, Chairman tal-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà Fuq il-Post tax-Xogħol, faħħar din id-diskussjoni u ammetta li ftit li xejn issir f’pajjiżna. Huwa saħaq li minkejja li ninsabu konxji li aħna pajjiż żgħir u l-kontribut tagħna ftit li xejn se twettaq bidla fit-tibdil fil-klima…xorta waħda rridu nagħmlu l-parti tagħna bi sħiħ.
Huwa stqarr li diversi pajjiżi, li għandhom żejt b’abbudanza, qed jirrealizzaw li din mhux l-ekonomija tal-futur…u t-tneħħija tal-karbonju mill-arja hija l-unika soluzzjoni u l-unika għan li għandha twassalna għal futur sostenibbli…iżda ammetta li xejn ma jista’ jitwettaq mingħajr ambizzjoni.
David Xuereb appella sabiex Malta għandha bżonn bi sħiħ li tagħfas il-pedala l-ħadra partikolarment għax wara li nibdew noħorġu mill-effetti tal-pandemija, l-ekonomija ċertament se tieħu daqqa…u la darba noħorġu mill-Greylist tal-FATF…u niġu “White” xorta waħda ħa nkunu qed nsofru d-daqqa li ħadet ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Għaldaqstant huwa insista li għandna nkunu protagonisti u ta’ eżempju fil-battalja kontra t-Tibdil fil-Klima..b’liġijiet u policies fattwali u mhux paroli biss.
Huwa appella wkoll sabiex il-kumpaniji Maltin u Għawdxin ibiddlu l-imġieba tagħhom sabiex jeliminaw il-karbonju u jifirxu passejhom lejn l-ekonomija l-ħadra. David Xuereb insista li l-ebda business ma tista’ tagħmel dan il-pass waħdu, l-ebda Gvern u l-ebda Oppożizzjoni… iżda pass li rridu nagħmlu flimkien.
Għalhekk insista li hemm bżonn viżjoni konvinċenti li tista’ tikkonvinċi kemm lill-adulti kif ukoll liż-żgħażagħ sabiex bl-ambizzjoni u b’responsabbiltà l-familji Maltin u Għawdxin jagħżlu li jieħdu dan il-pass b’serjetà enormi.
Il-Professur Tonio Sant saħaq li l-bniedem għandu bżonn jibda jieħu t-tibdil fil-klima bis-serjetà – bżonn li nduru għal enerġija aktar nadifa.
Huwa stqarr li “Din hija l-akbar sfida li qatt ra l-bniedem sa mill-eżistenza tiegħu” u li għandna nkunu ta’ eżempju għal bqija tad-dinja. Dan mhux għalina, iżda biex nagħtu futur sigur u ta’ kwalità aħjar lill-uliedna.
Prof. Sant saħaq li għandna nħarsu lejn l-enerġija rinnovabbli partikolarment, floating technology…bħal ċatra, f’baħar fond (Offshore Windfarms).
Dan filwaqt li l-Professur Ruben Paul Borg mill-Università ta’ Malta saħaq li b’avvanzi żgħar ħafna fil-qasam tal-kostruzzjoni jista’ jkollok benefiċċji enormi. Huwa saħaq dwar l-importanza dwar decarbonisation fl-industrija tal-bini, industrija li anke hi trid tħares lejn il-futur tal-umanita.
Fil-każ ta’ Malta, Prof. Borg stqarr li l-iskart mill-bini jista’ jerġa’ jintuża sabiex minn greenwash nimxu għal benefiċċji serji.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Enerġija Ryan Callus saħaq li f’din il-kwistjoni rridu mmorru lil’hinn mill-partiġġjaniżmu u nimxu lejn politika matura. Huwa saħaq għal bżonn li f’numru ta’ kwistjonijiet irridu nfittxu dak li jgħaqqadna u mhux li jifridna..fosthom it-trasport tal-massa.
Huwa appella għal miżuri fl-imedjat, medium term u long term…u insista li l-Partit Nazzjonalista għandu pjan ambizzjuż li lest biex juża’ u jilqa’ teknoloġiji ġodda għal ġid taċ-ċittadini.
//= $special ?>