Ambjent Lokali

Il-Partit Nazzjonalista għandu l-enerġija u r-rieda politika li flimkien inwettqu s-soluzzjonijiet

Jekk verament temmen li t-tibdil fil-klima hija l-iktar kwistjoni urġenti li teżisti globalment bħalissa, inħeġġek tingħaqad magħna biex nagħmlu dak li nistgħu flimkien għal dinja u pajjiż aħjar. Jekk temmen li t-tibdil fil-klima tista sservi bħala opportunitá għall-ekonomija Maltja, tkellem magħna – ejja naħdmu flimkien! Jekk temmen li bir-reputazzjoni imtejba tagħna nistgħu niġġieldu t-tibdil fil-klima, ingħaqad magħna. Aħna ħerqana biex nisimgħu soluzzjoniiet u ideat minghandkom – għandna l-enerġija u r-rieda politika li nisimghu u nibdew inwettqu flimkien.

Saħaq dan il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt il-ftuħ tal-Konferenza Nazzjonali għat-Tibdil fil-Klima organizzata mill-Partit Nazzjonalista.

Bernard Grech qal li wara l-pubblikazzjoni tar-Rapport tal-IPCC (Intergovernmental Panel on Climate Change), il-Partit Nazzjonalista jemmen bis-sħiħ li hemm bżonn issir bidla – għalhekk għandna bżonn naraw x’ser nagħmlu għaliex dak li għamilna s’issa mhux qed ikun biżżejjed, kemm lokalment kif ukoll fil-bqija tad-dinja.

Malta diġà qed tiġi affettwata disproporzjonalment, aħseb u ara sa ftit tas-snin oħra. Diġa naraw li għandna s-settur tal-agrikoltura qed ibati minn diversi problemi, u rridu niftakru li Malta ilha s-snin ssofri min-nuqqas ta‘ ilma kemm għax xorb kif ukoll għall-agrikoltura. Żieda fit-temperatura mhux ser tgħin dan l-ostaklu.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista li aħna l-Maltin irridu naffrontaw l-isfidi tal-klima – mhux narmu x-xugaman qabel tibda l-isfida. Bħalissa dak li qegħdin nagħmlu, meta ninnegozjaw mal-Ewropa biex inbaxxu l-miri tal-emissjonijiet jew meta nixtru l-emissions credits mill-Bulgarija biex inpattu ghal dak li ma ghamilniex go Malta. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li irridu nkunu aktar ambizzjuzi!

Għalhekk il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li għandna nassiguraw li l-miri tagħna ser ikunu ogħla, u xierqa li verament jippruvaw jindirizzaw il-gravita‘ tas-sitwazzjoni. Għandna nsibu modi addattati biex innaqqsu l-impatt li fiċ-ċert ser inkunu qed inħossu fil-futur qarib.

Għandna bżonn inżidu l-ispazji miftuħin bis-siġar, naraw kif ħa nagħmlu biex naqilbu għal sorsi ta enerġija rinovabbli bħall-bqija tal-Ewropa, ninkuraġġixxu żvilupp sostenibbli attrezzat għat-temperaturi li għandna.

Għandna wkoll nsibu modi kif nistgħu napprofittaw ekonomikament filwaqt li nagħmlu l-parti tagħna biex nippruvaw intejbu s-sitwazzjoni. Għandna naddattaw għas-sitwazzjoni u nistinkaw biex il-miri ekonomiċi u ambjentali jimxu id f’id. Dan huwa dak li l-Partit Nazzjonalista ser ikun qed jiffoka fuqu.

Għandna bżonn nibdew nattrattaw aktar riċerka u innovazzjoni lejn il-gżira f’dan il-qasam b’reputazzjoni imtejba biex b’hekk ikollna aċċess għall-ġenji li jeżistu f’din l-era tat-tibdil fil-klima. Hemm bżonn nibdew billi nieħdu r-riedni f’idejna u nibdew nissemmew internazzjonalment għal-raġunijiet li jagħtu ġieħ lil pajjiżna u għal xejn iktar. Ejja nibdew nuru li kapaċi ninbidlu u li għandna l-kapaċita‘ nkunu ħafna aħjar.

Il-Partit Nazzjonalista diġa beda jagħmel l-parti tiegħu, Fost oħrajn inħoloq il-grupp tal-PN Greens biex joħolqu anka pressjoni u għarfien internament.