Edukazzjoni Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jawgura lill-istudenti sena mill-aqwa lill-istudenti u jesprimi apprezzament għall-ħidma tal-edukaturi

Fil-ġurnata tal-ftuħ tas-sena skolastika għall-iskejjel tal-istat, il-Partit Nazzjonalista jawgura lill-istudenti kollha sena mill-aqwa ta’ tagħlim u żvilupp personali u fl-istess waqt jesprimi l-aprezzament tiegħu għall-ħidma professjonali tal-edukaturi ta’ pajjiżna.

Il-Partit Nazzjonalista permezz ta’ sqarrija ffirmata mill-Kelliem għall-Edukazzjoni u l-Isport, Clyde Puli, qal li filwaqt li jifhem iċ-ċirkustanzi partikolari li għaddejja minnhom id-dinja jħeġġeġ lill-Ministeru tal-Edukazzjoni biex juri sens akbar ta’ tmexxija li toħroġ mid-djalogu u mhux milll-intimidazzjoni tal-mandati t’inibizzjoni li joħonqu kull possibiltà ta’ kunsens minsuġ fid-djalogu mill-partijiet kollha.

Il-Partit Nazzjoanlsita sqtarr li jinsab imħasseb bl-aħħar serje ta’ trasferimenti ta’ edukaturi  li saru bit-telefon 12-il siegħa biss qabel ma’ bdiet is-sena skolastika. Dawn l-edukaturi ġew ordnati jirraportaw postijiet differenti biex jgħallmu suġġett differenti mingħajr ma qalulhom eżatt liema livell se jgħallmu.  Dan huwa frott nuqqas gross ta’ ppjanar li tefa s-sistema fi stat ta’ paniku. Din il-mossa ddisprata qed ittellef  għal kollox is-serenità meħtieġa  fost dawn l-edukaturi.

Lill’hinn mill-aspett edukattiv dak li ġara lbieraħ juri il-faċilita li biha jkasbar id-drittijiet tal-ħaddiem dan il-gvern.  Lil’hinn mill-kliem fieragħ tar-‘right to disconnect’ u ta’ rispett lejn id-data personali u l-privatezza, ilbierah il-Gvern mhux talli ma’ bagħatx email iżda talli ċempel lill-għalliema filgħaxija, fuq in-numri privati tagħhom u f’ċerti każi ċempel lis-sieħeb jew sieħba tagħhom.

Il-Partit Nazzjonalista jrid jerġa’ jtenni l-appoġġ tiegħu lill-għalliema li llum aktar minn qatt qabel qed iħossuhom iddisrispettati u ddemotivati. Dan filwaqt li jappella għal soluzzjoni kemm jista’ jkun malajr fl-interess tat-tfal, temm jgħid il-Partit Nazzjonalista.