Lokali

“Irridu lill-anzjani jgħixu f’għożża”

Kemm hu sabiħ tara lill-anzjani jgħixu f’għożża… u jekk dan ma jistgħux jagħmluh fil-komunità fejn kienu jgħixu, ikollhom kura madwarhom matul il-ġurnata kollha fir-residenzi ddedikati għalihom.

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech matul żjara fir-residenza Central Home, fil-Mosta, ftit jiem qabel il-Jum Dinji ddedikat lill-Anzjani. Hu qal li hu importanti wkoll li – bħal f’din ir-residenza – il-privat jinvesti ħalli jara li l-anzjani tagħna jgħixu ħajja komda.

Filwaqt li faħħar l-impenn tat-tmexxija u tal-impjegati ta’ residenzi bħal din, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li xejn ma jieħu post il-kura u l-imħabba li kull wieħed u waħda minna għandna nagħtu lill-anzjani qrib tagħna.

Matul iż-żjara tiegħu, Bernard Grech kien akkumpanjat mill-Kelliema tal-Partit Nazzjonalista għall-Anzjani Maria Deguara u mill-Kandidat għall-elezzjoni ġenerali li ġejja Josephine Xuereb.