Lokali

Jitkellem għall-ewwel darba l-ħaddiem barrani li tħalla mitluq ferut fuq bankina

Ritratt: Times of Malta / Caroline Galea

L-immigrant li tħalla mixħut fuq bankina wara li waqa’ żewġ sulari waqt li kien qed jagħmel xogħolijiet fil-Mellieħa saħaq li l-imgħallem tiegħu ordnalu biex jgħid li ntlaqat minn karozza.

Waqt li kien qed jitkellem mat-Times of Malta, Jaiteh Lamin saħaq li l-imgħallem tiegħu qallu li ser jieħdu l-isptar iżda minflok, ħallieh f’ġenb fit-triq minħabba li ma kellux permess biex jaħdem.

Bid-dmugħ f’għajnejh iż-żagħżugħ saħaq li “Qatt ma kont naħseb li xi ħadd kien jasal jitratta bniedem b’dan il-mod”.

“Kont muġugħ ħafna u bdejt nibki…ħsibt li ser immut. Hu qalli biex ngħid lill-Pulizija li qlajt daqqa ta’ karozza. Jien staqsejtu għalfejn qed tagħmilli hekk? u rrispondini ‘Xi tridni nagħmel aktar?'” kompla jgħid Lamin.

Jaiteh Lamin kompla jistqarr “Ħallieni fil-ġenb tat-triq u kont muġugħ.. pruvajt nitla ftit fuq il-bankina”

Minkejja li baqa’ jinsisti, l-imgħallem tiegħu, Glen Farrugia baqa’ jgħidlu li mhux ser iċempel għal ambulanza għax jispiċċaw kollha l-ħabs. Imbagħad qallu li ser jieħdu l-isptar iżda kif wasal fi Triq Selmun, waqqaf il-vann u ħalla lil ħaddiem fit-triq.

Lamin saħaq li qed jibża’ li mhux ser ikun jista’ jerġa’ jimxi u ma jkunx jista’ jitma lil uliedu.