Lokali

L-isptarijiet u l-powerstation iridu jittieħdu lura mill-barrani – UĦM

L-isptarijiet li ġew mgħotija lill-Vitals, illum immexxijja minn Steward Healthcare, kif ukoll il-Powerstation għandhom jingħataw lura lill-Maltin.

Dan saħqu l-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers Josef Vella f’konferenza tal-aħbarijiet fejn ġew ippreżentati l-proposti tal-union għal Budget 2022. Huwa saħaq li huwa ironiku kif il-partit li jinsab fil-Gvern jiċċelebra bi ħġaru Jum il-Ħelsien..mill-barrani filwaqt li ta l-isptarijiet pubbliċi u l-powerstation proprju lill-barrani.

Josef Vella insista li l-Gvern ta’ Robert Abela jagħżel li jibqa’ ankrat, b’idejh marbutin u ma jeħodhomx lura..iżda minflok jibqa’ jistenna d-deċiżjon tal-Qrati Maltin.

Dan, kompla Vella, minkejja evidenza ċara u tonda li l-Maltin u l-Għawdxin qed jiġu misruqa miljuni tal-ewro.

Dan filwaqt li saħaqli s-sitwazzjoni tal-Greylisting mill-FATF ta’ pajjiżna ma tistax tibqa’ tiġi injorata u hemm bżonn li r-responsabbiltà tinġarr minn kull min wassalna s’hawnhekk. Minflok, Vella stqarr li r-responsabbiltà qed iġorrha ċ-ċittadin Malti u Għawdxi – bil-burokrazija bankarja żejda billi jiġu trattati daqslikieku kienu huma li kellhom il-kontijiet fil-Panama.

Huwa insista li hemm bżonn insalvaw dak li fadal mir-reputazzjoni ta’ pajjiżna l-għaliex minn eżempju internazzjonali spiċċajna mistmerra minn kulħadd.

Josef Vella spjega li l-għoli tal-ħajja qiegħed joqlot lil kulħadd u li hemm bżonn ta’ bilanċ bejn il-profitti u l-valur tal-paga, filwaqt li stqarr li l-ħaddiem mhux robot…bl-impjegati mhux ilaħqu mal-ħajja.

Dan filwaqt li fuq l-istess linja tal-Partit Nazzjonalista l-UĦM appellat sabiex tiddaħħal mill-aktar fis l-estensjoni fil-Paternal Leave.

Intant l-Union appellat lill-Gvern tal-Labour sabiex jieqaf ikaxkar saqajh fuq il-Portal tal-Kuntratti – proposta mwiegħda fl-2016 mill-istess Gvern fil-Budget. Huwa insista li permezz ta’ dan jinqatgħu l-abbużi fuq il-post tax-xogħol u jiġu mħarsa d-drittijiet tal-ħaddiem.

Josef Vella insista illi li kieku dan il-portal daħal fis-seħħ meta kien imwiegħed, il-każ li seħħ tul il-jum ta’ Tlieta fejn raġel ġie prattikament mormi ma’ ġenb ta’ triq wara li waqa’ 2 sulari fil-post tax-xogħol…ma kienx iseħħ.

Aktar dettalji fil-ħin li ġej.