Lokali

IL-KAŻ TAL-ĦADDIEM MORMI FUQ IL-BANKINA: L-MDA tgħid li l-kuntrattur ma kienx reġistrat

Il-Malta Developers Association (MDA) tikkundanna bla riżerva l-allegat tfiegħ tal-ħaddiem fuq il-bankina fi triq fil-Mellieħa wara li waqa’ għoli ta’ żewg sulari fuq sit tal-kostruzzjoni.

L-MDA għamlet dan immedjatament u irrispettivament minn min kienet il-persuna li ghamlet dan l-att depolorabbli pero, llum tista’ tikkonferma illi l-kuntrattur tas-sit li fuqu kien jaħdem il-ħaddiem involut fl-inċident, Glen Farrugia, la hu u lanqas qatt ma kien membru tal-assoċjazzjoni tagħha (l-MDA). 

Jirriżulta wkoll illi meta kien sar eżerċizzju sabiex jiġu elenkati l-kuntratturi li joperaw f’Malta lanqas kien irreġistra bħala kuntrattur.

L-MDA dejjem saħqet illi s-saħħa u s-sigurta tal-impjegati fuq is-sit ta’ kostruzzjoni huma ta’ mportanza massima tenut kont il-periklu li jġib miegħu in-natura tax-xogħol tagħhom.

Intant il-Pulizija qed ikellmu lil Glen Farrugia li allegatament huwa l-imgħallem tal-vittma ta’ dan il-każ. Sa issa l-Pulizija ma ressqet l-ebda akkużi fil-konfront tal-istess Farrugia.

L-avukati Franco Debono u Matthew Xuereb li qed jirrappreżentaw lil Farrugia qalu li l-klijent tagħhom qed jikkopera mal-Pulizija u li caħad kull allegazzjoni li saret fil-konfront tiegħu.