Wara waqfa ta’ diversi xhur kawża tal-pandemija, mijiet ta’ attivisti attendew għall-ewwel attività soċjali, f’forma ta’ Coffee Morning, organizzata mill-Partit Nazzjonalista.
Fost dawk preżenti, l-atmosfera kienet waħda ta’ sodisfazzjon, hekk kif sabu l-okkażjoni ideali biex jerġgħu jiltaqgħu flimkien f’ambjent rilassanti.
Għal din l-attività attenda fost l-oħrajn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, li rringrazzja lil dawk preżenti għal-lealtà tagħhom lejn il-Partit. Waqt li kien qed idur man-nies, Bernard Grech semma’ l-apprezzament li ghandu jkollna lejn il-ħajja u l-valuri s-sbieħ li jsawruha.
Fil-fatt, hu faħħar kif kienu eluf dawk li esprimew solidarjeta mal-ħaddiem barrani li tħalla ferut fuq bankina, bil-Kap tal-PN jghid li l-poplu ngħaqad u ma qagħadx iħares lejn in-nazzjonalità jew il-kulur tal-ġilda, iżda għen lil min hu fil-bżonn.
Dawk preżenti kienu indirizzati wkoll mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino, illi qal li dawk preżenti huma fost dawk li dejjem kienu hemm għall-Partit u li lesti jibqgħu jaħdmu għax jemmnu fil-viżjoni tal-Partit.
Michael Piccinino tenna l-awgurju għal fejqan ta’ malajr lill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Robert Arrigo, li fl-aħħar snin kien responsabbli minn attivitajiet bħal din. Spjega li, għalkemm jinsab rikoverat fl-Isptar, hu ta l-għajnuna li seta’ biex, għal darb’oħra, din l-attività setgħet tkun suċċess.
//= $special ?>