“Is-sitwazzjoni fl-iskejjel primarji hija waħda ddisprata. Li tikkuntenta ruħek li titfa’ għalliem jieħu ħsieb klassi tal-Year 1 meta dan ikun ilu maqtugħ mill-klassi għal iktar minn għaxar snin huwa sintomu ta paniku kbir”.
Hekk qalilna ġenitur li tkellem magħna wara l-ewwel jum tal-iskola ta’ bintu.
Imħasseb u pjuttost irrabbjat, missier studenta tas-sitt sena li rritornat fil-klassi għas-sena akkademika l-ġdida staqsa kif jista’ wieħed jippretendi li letteralment mil-lum għall-għada għalliem jipprepara ruħu biex jgħallem sena tant kruċjali fl-iżvilupp tat tfal meta t-taħriġ li ha 20 sena ilu illum huwa skadut.
“Aħna mhux suppost qed nitkellmu fuq jekk għandniex għalliem għal kull klassi imma x’għalliema għandna u kif nistgħu intejbu l-kwalita’ tagħhom. Għalfejn qlajna għalliema mill-klassi biex bagħtnihom viċi kapijiet, meta konna nafu li hawn sitwazzjoni delikata. Ma stajniex għal darba nistennew u naraw li s-sena titlaq tajjeb? Dan l-eżerċizzju reġa’ ħadna back to square one u tellef ħafna s-serenità meħtieġa fl-iskejjel biex isir tagħlim effettiv”.
Intant tkellmu magħna wkoll numru ta’ għalliema li qed iħossuhom sfruttati u użati biex isoddu t-toqob li ħoloq Ministeru tal-Edukazzjoni wara li ma kienx kapaċi jħejji kif għandu jkun għas-sena skolastika li bdiet illum.
L-għalliema qed jeżiġu li l-Ministru tippubblika l-lista ta’ kif ġew deployed l-għalliema f’dan l-eżerċizzju, u kif u meta ġew mgħarrfa biċ-ċaqlieq tagħhom? Qed jistaqsu jekk kienx hemm min inqabeż jew tqabbeż f’dan kollu? Talbu rendikont sħiħ ta kemm għalliema peripatetiċi ser jintlaqtu, u liem suġġetti se jsofru kawża t hekk? Staqsew kemm ser iddum din is-sitwazzjoni qabel terġa’ tiġi għan-normal? U talbu lill-Ministru tgħid liema u kemm hawn għalliema li ngħataw xogħol ieħor li mhux ġo l-klassi u għal-liema raġuni.
//= $special ?>