Parti minn wiċċ l-anzjana li kienet attakkata għall-mewt minn klieb tar-razza ‘pitbulls’ inqala’ minn postu. Dan ħareġ fil-kumpilazzjoni li nstemgħat quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia. Il-Qorti kienet infurmata bil-ġrieħi koroh li sofriet l-vittma mill-klieb tan-neputi tagħha fid-dar tagħha s-sena li għaddiet.
Inez Galea ta’ 70 sena, mietet bil-ġrieħi tagħha fis-7 ta’ Settembru ta’ sena ilu wara li ġiet attakkata minn żewġ pitbulls li kienu tan-neputi tagħha, Andre Galea, waqt li kienet id-dar fl-Imsida. Galea jinsab mixli b’omiċidju involontarju. Il-Maġistrat Ian Farrugia sema’ lill-Ispettur Colin Sheldon jispjega kif il-pulizija kienet ġiet imsejħa minn ġar maħsud li sema’ l-għajjat tal-vittma.
Wara li ttieħdu mill-awtoritajiet, il-klieb kienu weġġgħu wkoll żewġ ħaddiema tal-‘annimal welfare. L-annimali perikolużi wara kienu traqqdu. Il-kelb tar-razza chihuahua tal-vittma kellu jitraqqad ukoll minħabba l-ġrieħi ta’ gdim ikkawżat mill-pitbulls.
L-avukati ta’ Galea, Gianluca Caruana Curran u Charles Mercieca ddefendew lill-akkużat, li qagħad b’rasu baxxuta fl-iżbarra għat-totalità tas-seduta. Mercieca staqsa kif il-vittma u l-akkużat kienu relatati. “Kienet in-nanna tiegħu,” wieġeb l-ispettur.
“Hija kellha l-propjetà u kienet għaddiet l-propjetà tal-bieb li tmiss magħha lil Galea. Kien jgħidilha biex ma tiftaħx il-bieb tal-bitħa, ” qal l-Ispettur. Mercieca staqsa jekk l-akkużat u l-vittma kienux viċin xulxin. Li kien se jieħu ħsiebha. “Kien jieħu ħsiebha, imma aħna nnotajna li ma kellhiex elettriku. Il-fjus kien ġie skonnettjat.
Fil-proprjetà ta’ Andre Galea ma kienx hemm għamara. Dak li kellu hemm kienu 10 pitbulls. ” Galea kien joqgħod Raħal Ġdid, żied l-ispettur. Wara l-inċident fatali, Galea kien reġa’ ħa dar xi wħud mill-klieb tiegħu, semgħet il-qorti. “Huwa kien ħadha bi kbira fuq dan l-inċident,” qal l-ispettur.
Il-Qorti semgħet ukoll lit-tabib Alec Scerri li kien fi triqtu lejn iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Floriana meta ġie nfurmat biex jagħti għajnuna fl-Imsida. “Dħalt fil-proprjetà u kont wara l-Maġistrat inkwerenti… kien hemm ħafna demm mal-art. Rajt lill-vittma f’għadira demm fil-bitħa, wiċċha ‘l isfel. Parti minn wiċċha kien maqlugħ minn postu. Ma kien hemm l-ebda sinjali ta’ ħajja. Parti minn saqajha kienet nieqsa wkoll, ”qal it-tabib. Huwa ċċertifikaha bħala mejta fuq il-post, huwa qal. Il-każ se jkompli f’Novembru.