Lokali Qorti

Punti legali fit-tul dwar ir-re-arrest fuq estradizzjoni lejn l-Istati Uniti fuq każ ta’ li jlaħħaq il-$50 miljun

Punti legali ġew trattati fit-tul minn Avukati li qed jirrappreżentaw l-Avukat Ġenerali u d-difiża li damu għal aktar minn sagħtejn ikkarateriżżaw it-talba b’urġenza biex ċittadin Amerikan jerġa’ jiġi arrestat wara li nhar it-Tnejn, ikkontesta b’suċċess il-validità tal-arrest tiegħu, marbut ma’ talba għall-estradizzjoni tiegħu mitluba mill-Istati Uniti.

Frank Salvatore Rafaraci, Amerikan ta’ dixxendenza Taljana ta’ 68 sena, li huwa mfittex mill-awtoritajiet Amerikani biex iwieġeb akkużi li ffroda lill-Gvern ta’ l-Istati Uniti b’madwar $50 miljun. Id-deċiżjoni mit-talba tal-prosekuzzjoni jekk hux se jibqa’ arrestat għandha tingħata fil-jiem li ġejjin mill-Imħallef Aaron Bugeja.

L-Avukat Ġenerali qed jikkontendi li l-ħelsien mill-arrest deċiż nhar it-Tnejn mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace kien jinkludi wkoll l-estradizzjoni. Id-difiża minn naħa tagħha mhijiex qed taqbel qalet li l-Appell minn din id-deċiżjoni sar quddiem il-Qorti Kriminali u sostniet li jekk il-prosekuzzjoni, “verament temmen li d-deċiżjoni tal-Maġistrat kienet li teħilsu minn proċeduri ta’ estradizzjoni, dan messu sar quddiem il-Qorti tal-Appell Kriminali.

Fir-rikors li sar mill-AĠ għar-revokata l-appell sar fuq żewġ digrieti. L-ewwel wieħed ingħata in camera, filwaqt li t-tieni skont l-AĠ kien annullat, u dan mhux biss l-arrest ta’ Rafaraci iżda wkoll il-proċeduri ta’ estradizzjoni kollha kemm huma. Fil-proċeduri tal-lum, l-applikazzjoni tal-AĠ ġiet diskussa fit-tul.

L-Avukat Stephen Tonna Lowell f’isem id-difiża iddikjara li l-AĠ ma setax iressaq it-talba biex d-deċiżjoni li teħles lil Rafaraci mill-arrest tiġi reveduta. Il-Qorti ma ħarġitx minn proċeduri ta’ estradizzjoni, iżda dawn kienu għadhom ma bdewx – fil-fatt kienet ġiet stabbilita data mill-Maġistrat Micallef Stafrace biex jibdew il-proċeduri għall-estradizzjoni. Għalhekk il-Qorti ma kellhiex ġurisdizzjoni fuq il-kwistjoni f’dak il-mument, u bħala riżultat l-AĠ ma setax jassumi li r-rilaxx kien ukoll fir-rigward tal-estradizzjoni, u mhux sempliċement l-arrest.

Id-difiża qalet ukoll li t-talba tal-AĠ għal arrest mill-ġdid ta’ persuna meħlusa saret skond l-Artikolu 574A (9) ta’ Kapitolu 9, li madankollu tapplika biss għal individwi li jidhru quddiem il -Qorti tal-Maġistrati u mhux il-Qorti tal-Kummissjoni.

Id-Difiża ssottomettiet ukoll li t-tieni digriet li allegatament ipprova jiddikjara li Rafaraci ġie meħlus mill-estradizzjoni kien null u bla effett minħabba l-fatt li kien imfassla bil-lingwa ħażina, jiġifieri bil-Malti. Dan għaliex il-proċeduri bħalissa huma bl-Ingliż.

Meta l-Qorti Kriminali staqsiet għaliex id-difiża kienet qed issostni li Rafaraci ma kienx akkużat formalment, id-Difiża, id-difiża, din id-darba permezz tal-Avukat Stefano Filletti sostniet li l-AĠ ma pproduċiet xejn li jipprova li l-ilment fil-liġi ta’ l-Istati Uniti huwa ekwivalenti taħt il-liġi ta’ Malta.

Fil-fatt, l-AĠ ipproduċa biss fotokopji tad-dokumenti mibgħuta mid-dipartiment tal-ġustizzja tal-Istati Uniti. Dan kien fih innifsu inqas minn dak meħtieġ skont il-liġi, peress li l-Artikolu 11 jeħtieġ speċifikament li d-dokumenti prodotti jrid ikollhom is-siġill tad-Dipartiment tal-Ġustizzja.

Għalhekk, skont id-difiża minbarra li naqas milli jipprovdi xi forma ta’ prova li lment fl-Istati Uniti huwa ekwivalenti għal akkuża termini tal-liġi Maltija, l-AĠ naqas ukoll milli jipproduċi d-dokumenti fil-format meħtieġ bil-mandat ta’ arrest.

Fir-rigward tal-kwistjoni li l-ilment, li fuqu l-mandat għal arrest proviżorju kienet ibbażata fuqu, ma kinitx tikkostitwixxi akkuża, kif meħtieġ skont l -Artikolu 14 tal-Att ta’ estradizzjoni ta’ Malta.

Id-difiża argumentat li l-mod kif jitpoġġew fuq il-mandat jindikaw li dejjem jonqsu fis-severità tan-natura. Għalhekk, l-aktar severa tkun tkun l-akkuża, u l-inqas severa tkun ir-reviżjoni tal-probation.   Il-battibekki bejn id-difiża u l-prosekuzzjini kienu ħafna bil-prosekuzzjoni tgħid li huma ma setgħux jistennew aktar biex imexxu l-każ peress li t-talba kienet waħda urġenti. L-Avukat tal-AĠ qalet li minn nhar it-Tnejn ‘l hawn mill-Istati Uniti rċevew aktar dokumentazzjoni relatat mal-każ.

Il-Prosekuzzjoni qed tgħid li li l-Qorti tal-Maġistrati kienet żbaljata meta ħelset lil Rafarici minn kustodja minħabba l-fatt li ma hemm l-ebda akkużi formali minn xi Qorti  Amerikana jew  xi Qorti oħra. Fil-fatt fid-deċiżjoni tagħha din ma sabet xejn fuq l-akkużat u ddikjarat li l-arrest tiegħu bħala wieħed invalidu.

L-avukat Meredith Ebejer li mexxiet il-Prosekuzzjoni qalet li r-raġel spiċċa meħlus u li dan se jiskappa proċeduri dwar l-estradizzjoni meta l-Istati Uniti bagħtet dokumenti li juru li dan irid jirrispondi. Qalet li fid-dawl ta’ dan kollu huma kellhom kuntatt mal-Europol u li l-ftehim li għandha Malta mal-Istati Uniti huwa li jekk persuna tkun akkużata għandha tkun proċessata fuq estradizzjoni.

Id-difiża kkontestat ukoll il-validità ta’ din it-talba, fejn l-argumenti dwar l-estradizzjoni għandhom jibdew nhar it-Tnejn, 4 ta’ Ottubru. L-Avukati Stefano Filleti u Stephen Tonna Lowell li flimkien mal-Avukati Gianella Demarco u Mark Refalo qed jidhru għal Rafarici qalu li l-Qorti tal-Maġistrati ma kellhiex provi għax anke id-dokumenti li ġabet il-prosekuzzjoni kienu biss foto-kopji, xi ħaġa li mhijiex valida skont il-liġi. Għaldaqstant ma kienx hemm bażil legali fuq il-każ.

Il-Prosekuzzjoni baqgħet tinsisti li Rafaraci kellu jinżamm tliet ijiem arrestat sakemm jiġi proċessat. Xi ħaġa li d-difiża ma qablitx dwarha minħabba li dan jgħodd għal meta il-proċess ikun eżawrit. Saret ukoll tratazzjoni dwar dak li tgħid il-liġi Amerikana fejn din hija differenti minn dik Maltija u fuq nuqqasijiet proċedurali fil-mod dwar kif ġie arrestat u mressaq il-Qorti. Dwar dan l-Avukat Filleti qal li f’każijiet bħal dawn l-affarijiet mhuma xejn ċari.

L-Avukat Stefano Filletii qal li verament huma minnu li l-liġijiet Maltin u dawk barranin huma totalment differenti imma li wieħed irid jimxi mar-regolamenti u mhux naqbdu u nagħmlu r-regolamenti. Rafaraci huwa mfittex mill-Qorti Distrettwali ta’ l-Istati Uniti mid-Distrett ta’ Columbia dwar allegati reati ta’ konspirazzjoni biex isir tixħim, konspirazzjoni biex isir frodi għal ħasil ta’ flus.

Ir-raġel huwa ssuspettat bħala parteċipant fi skema li użat fatturi u rċevuti ffalsifikati għal tagħmir u provvisti pprovduti lin-Navy ta’ l-Istati Uniti. Ir-raġel huwa allegat ukoll li ħallas uffiċjal tal-gvern ta’ l-Istati Uniti għexieren ta’ eluf ta’ dollari f’tixħim ta’ flus bi skambju għal informazzjoni minn ġewwa dwar kuntratti futuri tan-Navy.

L-awtoritajiet ta’ l-Istati Uniti jemmnu li r-raġel u l-assoċjati magħrufa tiegħu mbagħad ħaslu fondi illeċiti bl-użu ta’ kumpaniji, li jevadu miljuni ta’ dollari f’taxxi ta’ l-Istati Uniti.

Fl-applikazzjoni urġenti li ġiet ppreżentata, l-Avukat Ġenerali argumenta li l-ilment kriminali ppreżentat u maħluf mill-Aġent Speċjali Cordell de La Pena quddiem il-qorti distrettwali ta’ l-Istati Uniti kien jammonta għal dokument li akkuża lil Rafaraci b’reati ta’ natura serja ħafna fl-Istati Uniti.

Dan id-dokument ġie ssupplimentat ukoll b’mandat ta’ arrest maħruġ mill-istess Qorti Amerikana u talba uffiċjali għall-arrest tar-raġel mid-Dipartiment tal-ġustizzja ta’ l-Istati Uniti, indikat l-applikazzjoni tal-prosekutur pubbliku. L-AĠ qal li kien skantat bid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Maġistrati li teħles lill-persuna rikjesta mill-kustodja sempliċement minħabba li l-karta tal-akkuża hija deskritta taħt il-liġi ta’ l-Istati Uniti bħala’ lment Kriminali.

Hawn l-Imħallef Aaron Bugeja li quddiemu nstemgħet il-kawża staqsa jekk ilment kriminali huwa biżżejjed biex bniedem jgħaddi proċeduri. L-Avukat Filletti qal li hemm bżonn li espert jew esperti jagħrfu lill-Qorti dwar dan, għax dawn mhumiex affarijiet li jsiru fl-arja.

L-avukati Gianella de Marco, Stefano Filletti. Stephen Tonna Lowell u Mark Refali dehru għall-akkużat filwaqt li l-Ispetturi Omar Zammit u Robinson Mifsud  flimkien mal-avukat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Meredith Ebejer mexxew il-prosekuzzjoni.