Għawdex Lokali Qorti

Strajk mill-avukati fil-Qorti t’Għawdex

Rabat

Sakemm ikun hemm risposti ċari dwar kif u meta ser jiġu rimedjati n-nuqqasijiet serji li jeżistu biex ix-xogħol fil-Qrati jkun jista’ jimxi b’mod normali, l-Avukati li jipprattikaw u jidhru quddiem il-Qorti tal-Maġistrati ta’ Għawdex fil-kompetenza tagħha Ċivili Superjuri, Ċivili Inferjuri kif ukoll Kriminali  qed jieħdu azzjoni li b’effett minn għada it-30 ta’ Settembru 2021 ma jattendux għas-seduti li jinżammu fil-Qorti ta’ Għawdex.

Fi stqarrija li ħarġu dalgħodu, l-avukati qalu li dan qed jagħmluh għax jemmnu li dan huwa l-uniku mod li ilmenti li huma, l-klijenti tagħhom, il-ħaddiema tal-Qorti t’Għawdex kif ukoll il-Magistrati li jippresjedu fil-Qorti t’Għawdex ilhom jagħmlu, jiġu ndirizzati f’qasir żmien u b’mod effettiv sabiex is-sistema tal-Ġustizzja f’Għawdex tkun tista’ taħdem b’mod normali.

Dan qed isir ukoll għaliex minkejja l-isforzi tagħhom f’Gunju li għadda sabiex jattiraw l-attenzjoni tal-awtoritajiet kompetenti u minkejja li għaddew erba’ xhur, il-Qorti ta’ Għawdex sallum għadha mingħajr Assistent Registratur, għadha  b’nuqqas ta’ staff imħarreg u kkwalifikat, qegħdha topera mingħajr ebda Marixxal stazzjonat Għawdex fuq bażi full-time id-Deputati qed jirrinfaċċjaw diffikultajiet minħabba n-nuqqas ta’ ħaddiema, in-nuqqasijiet serji fil-binja tal-Qorti li ġew identifikati f’rapporti separati mill-Kummissjoni għall-Persuni b’ Diżabilita’ u mill-Awtorità tas-Sigurtà fuq il-post tax-xogħol ġew totalment injorati, uħud mill-proċessi għadhom ma humiex qed jinstabu u wisq anqas ma huma qed jinstabu d-dokumenti li suppost huma inseriti ġol-istess, l-inġunzjonijiet mhux qed jiġu pproċessati b’dana illi tasal il-ġurnata tas-smigħ tas-seduta u t-taħrika lanqas tkun għadha ddaħlet fil-proċess, t-traskrizzjonijiet ma humiex qed isiru fil-ħin, Id-dokumenti kollha, rikorsi, risposti u noti mhux qegħdin jiġu ipproċessati b’dana illi lanqas biss jaslu a konjizzjoni tal-ġudikant u/jew tal-partijiet fiż- żmien opportun, id-dokumenti lanqas ma huma qed jigu rintraċċjati fuq is-sistema interna tal-Qrati (Lecam), xejn ma hu qed jiġi skanjat, id-digrieti mhux qed jiġu kkomunikati lill-partijiet interessati.