Raġel ta’ 43 sena miż-Żejtun li huwa magħruf sew mal-Pulizija ġie kundannat 32 xahar ħabs wara li nstab ħati li seraq ġiżirajjen u ġojjelli minn fuq seba’ nisa anzjani. F’dak li kien deskritt bħala “veteran tal-kriminalità” huwa l-ewwel kien jilqa’ lil anzjani bil-kliem “l-għodwa t-tajba” lqabel ma jaħtaf il-ġiżirajjen tad-deheb li kienu liebsin.
Tony Zammit instab ħati li ħataf ġojjelli minn fuq seba’ nisa anzjani wara li kien qed jiġi akkużat li kkommetta tmien serqiet bejn l-4 u t-18 ta’ Ottubru 2018 fil-Ħamrun, Ħal Qormi, Pietà, Birkirkara, Għaxaq, Ħal Tarxien, Ħal Luqa u Raħal Ġdid.
Ħafna mill-vittmi kellhom 80 sena. L-iżgħar kellhom ‘l fuq minn 60 sena. Fix-xhieda tagħhom, uħud minnhom iddeskrivew kif ġew avviċinati minn raġel stramb li anke kien jgħidilhom “Bonġu” jew kien jitlob direzzjonijiet biex imur f’xi lokalità, u dan biex jaljenawhom qabel ma jiġbed l-ġiżirana tagħhom.
Waħda mill-vittmi, li kellha 73 sena fil-ħin tad-delitt, iddeskriviet fil-qorti kif kienet qed taqsam triq f’Sta Venera meta raġel liebes barnuża ġibed il-ġiżirana tagħha. Hi tagħtu daqqa bl-umbrella tagħha u huwa dlonk dar lura daqs li kieku biex jagħtiha l-ġiżirana miksura lura, iżda mbagħad ġibed il-biċċa li kien fadal madwar għonqha u ħarab.
Xhieda oħra ddeskrivew kif waqgħu mal-art meta l-ġiżirana tagħhom inġibdet. Waħda qalet li kienet għadha trawmatizzata u beżgħet toħroġ. Fl-evidenza tagħhom, il-pulizija ipproduċew filmati tas-CCTV minn diversi lokalitajiet u spjegaw ukoll kif irkupraw ħwejjeġ mir-residenza tiegħu fiż-Żejtun tal-akkużat li kienu jaqblu mad-deskrizzjonijiet fuq il-post u l-filmati.
Fl-għoti tas-sentenza, il-Maġistrat Rachel Montebello qalet li l-akkużat għandu storja ta’ abbuż akut tad-droga. Il-kondotta tiegħu turi li huwa veteran tal-kriminalità, li kien serva diversi sentenzi ta’ ħabs fuq serq. Il-Maġistrat innotat li r-reati twettqu kontra persuni anzjani u vulnerabbli.
L-akkużat ġie ordnat biex jikkumpensa lill-vittmi u ġie kkundannat għal 32 xahar priġunerija effettiva. Il-karozza tiegħu, użata f’xi wħud mir-reati, ġiet ukoll ikkonfiskata. Huwa ġie ordnat iħallas ukoll €2,415 fi spejjeż tal-Qorti. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Lydon Zammit, Fabian Fleri u Sarah Zerafa.
//= $special ?>