Mal-400 uffiċjal tal-pulizija fl-aħħar sigħat daħlu f’kumpless ta’ ħabs fil-belt tal-port ta’ Guayaquil fejn talanqas 120 ħabsi spiċċaw jitilfu ħajjithom waqt ‘gwerra’ li damet il-ġranet bejn membri ta’ gangs kriminali li qed jiskuntaw sentenzi ta’ priġunerija.
Il-battalji splodew nhar it-Tlieta u fejn, fost id-dmija, spikkaw l-aktar azzjonijiet brutali. Dan waqt li gruppi ta’ ħabsin attakkaw lil xulxin fost xeni ta’ kaos interminabbli u fejn l-ebda priġunier ma seta’ isib il-kenn jew forma ta’ sigurtà.
Ir-rapporti qalu wkoll li l-ħabsin użaw ‘il-grenades’ fuq xulxin u li diversi priġuniera spiċċaw imbiċċra fiċ-ċellel tagħhom. Intant, l-awtoritajiet tal-pulizija qalu li huma ‘issa’ reġgġħu ħadu kmand tal-ħabs u li s-sitwazzjoni inġiebet lura taħt kontroll.
Madankollu, fl-aħħar sigħat, ir-residenti fil-madwar qalu li nstemgħu l-isparaturi u splużjonijiet mill-kumpless tal-ħabs inkwistjoni – bl-awtoritajiet, wara, jgħidu li kienu bagħtu lura mijiet tal-pulizija ‘biex iżommu l-ordni’.
Jidher li weġġgħu numru żgħir ħafna ta’ pulizija waqt l-inkwiet fil-ħabs, bl-indikazzjonijiet kollha jkunu li din kienet tassew ‘gwerra bejn il-ħabsin’ aktar milli attentat ta’ rewwixta kontra l-awtoritajiet tal-ħabs.
//= $special ?>