Lokali

“Hemm bżonn pieni aktar ħorox” – MPU

Il-Kumitat Ezekuttiv tal-Malta Police Union, b’dispjaċir jinnota li l-inċidenti vjolenti kontra membri tal-Korp tal-Pulizija għadhom qegħdin iseħħu b’mod allarmanti f’pajjiz suppost ċivilizzat.

Il-Kumitat tal-MPU ifakkar fid-diversi stqarrijiet għall-istampa li ħareg kif ukoll fid-diversi drabi fejn ħeġġeġ sabiex jiħraxu l-pieni sabiex jinkludu terminu ta’ priġunerija mandatorja għal min jinstab ħati ta’ reati simili, li huma reati kontra s-soċjeta.

L-MPU titlob emendi fil-Kapitolu Kriminali għaliex jidher li kif inhi s-sistema legali fil-prezent, mhix tiffunzjona sew għaliex dawn l-inċidenti qegħdin iseħħu iktar ta’ spiss, fuq raġunijiet sempliċi u qisu qatt ma gara xejn. Il-membri tal-Korp qeghdin ikunu demotivati fuq xogħolhom għaliex iħossu li mhumiex protetti biżżejjed mill-Liġi. L-MPU tfakkar li membru tal-Korp m’ghandu l-ebda tip ta’ assigurazzjoni li tkoprih għaliex it-talbiet li ilha tagħmel sa mill-2004 għadhom ma gewx milqugħa.

Ma huwiex aċċettabli li sabiex membru tal-Korp, jieħu xi kumpens, irid jew imut jew inkella jsofri disabilità
permanenti skond l-’Occupational Personal Accident Scheme’ li ħareġ il-Gvern biex ikun sar xi ħaga.

Il-Kumitat Eżekuttiv għal darb’ohra jħeġġeġ sabiex immedjatament il-Gvern jillegisla l-pieni iktar ħorox li jirriflettu l-gravità ta dawn il-każi. Infakkru li sakemm iż-żmien għaddej, membri tal-Korp, ta’ kuljum qegħdin jaffaċjaw ruħhom ma każi ta’ vjolenza kontrihom.

Aħna ma nħossux li l-membri tal-Korp tal-Pulizija, li huma ħaddiem bħal kulħadd, għandhom ta’ kuljum jissograw ħajjithom u ma jiġux protetti kif xieraq mill-awtoritajiet.

Il-Union issellem lill-uffiċjali kollha li ġew aggrediti waqt il-qadi tad-dmirijiethom, u tirringrazzjhom li minkejja kollox, jirritornaw għax-xogħol sabiex ikomplu jagħtu servizz liċ-ċittadin u l-pajjiż.