Lokali

Hospice Malta b’appell lin-negozji u l-konsumaturi biex jagħmlu donazzjoni ta’ €1 waqt Pink October

Hospice Malta qed tinkoraġġixxi negozji lokali, kif ukoll lill-komunità, biex jagħmlu donazzjoni ta’ €1 b’risq il-pazjenti b’kanċer tas-sider waqt ix-xahar tal-Pink October. Dan billi jipparteċipaw fl-inizjattiva Hospice Malta Pink October.

Hairdressers, beauticians, nail technicians u massage therapists qed ikunu nkoraġġuti jipparteċipaw fil-kampanja ta’ tqajjim tal-kuxjenza dwar il-kanċer tas-sider billi ssir donazzjoni ta’ €1 għal kull klijent li jaqdu fil-ħwienet tagħhom matul ix-xahar ta’ Ottubru. In-negozji kollha tat-tip li huma interessati jgħinu lil Hospice Malta tul Ottubru jistgħu jikkuntattjaw lil Hospice biex jirċievu d-dettalji tal-kampanja billi jibgħatu email fuq cro@hospicemalta.org jew iċemplu fuq 21440085.

Kull sena, f’Ottubru, id-dinja tingħaqad biex turi s-sapport tagħha lil dawk kollha li għaddejjin bil-battalja tagħhom kontra l-kanċer tas-sider. Filwaqt li noffru s-sapport lill-pazjenti li għandhom kanċer tas-sider matul is-sena kollha, f’Ottubru qed naħdmu bis-sħiħ biex inqajmu kuxjenza, nikkampanjaw u niġbru l-fondi biex inkomplu noffru din il-kura paljattiva b’xejn għal dawk kollha li għandhom bżonnha f’Malta.

Id-donazzjonijiet se jippermettu lil Hospice Malta biex tkompli tgħin lill-pazjenti u lill-qraba tagħhom billi tipprovdi diversi servizzi inkluż kura fid-djar, unit tat-terapija ta’ kuljum, Idroterapija, Bereavement Support, servizzi ta’ Care Assistant, self ta’ tagħmir speċjalizzat, servizzi on-call wara l-ħinijiet tax-xogħol u trasport għall-pazjenti. Se jkunu qed jgħinu wkoll lil Hospice biex tibni l-kumpless ġdid tagħha – St. Michael Hospice, li mistenni jiftaħ il-bibien tiegħu għall-pubbliku lejn tmiem l-2022.

Imwaqqfa fl-1989, l-irwol primarju ta’ Hospice Malta huwa li tipprovdi u tippromwovi servizzi ta’ kura paljattiva b’xejn għal pazjenti li qed isofru minn kanċer, motor-neuron disease, mard kardijaku, mard respiratorju, u mard tal-fwied u l-kliewi.

Tags