Lokali Sport Sport Ieħor

Id-dilettanti tal-isparar jingħataw biss 20% ta’ dak li ġie imwiegħed

Id-dilettanti tal-isparar ngħataw biss 20% ta’ dak li ġew imwegħda fl-2017. Permezz ta’ messaġġ fuq Facebook, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport, Clyde Puli qal kif id-dilettanti tal-isparar qabel l-elezzjoni tal-2017 kienu mwegħda faċilità li takkomoda d-dixxiplini kollha kif ukoll kienu mwegħda faċilitajiet ‘state of the art’.

Jidher iżda, li minkejja li x-Shooting Range Nazzjonali f’Ta’ Kandja ġiet tiswa aktar mid-doppju ta’ dak pjanat, id-dilettanti tal-isparar ma ngħatawx dak li kien imwiegħed lilhom.

Wieħed mid-dilettanti ta’ dan l-isport f’messaġġ fuq il-midja soċjali, qal li l-proposta tax-Shooting Range kienet ingħatat l-istess pompa mill-Partit Laburista għal dik li ngħata il-proposta tat-Trakka. Jidher li kienu saru wkoll laqgħat simili bejn il-Gvern Laburista u r-rappreżentati mill-Federazzjoni tal-isparar.

L-istess dilettant qed iwissi lill-Federazzjoni tal-Motorsport biex ma jiġrilhomx bħal ma ġralhom il-Federazzjoni tal-Isparar fejn ix-Shooting Range f’Ta’ Kandja saret hekk kif tħabbar li pajjiżna kien se jospità l-ISSF World Cup Trap. Bl-istess mod, il-Gvern jidher li ħabbar din it-trakka hekk kif il-Federazzjoni tal-Motorsport, ħabbret li se tospita l-FIA European Drag Racing Championship fl-2023.