Il-Ministri responsabbli mill-ħarsien tal-klima qegħdin jiltaqgħu f’Milan (fl-Italja) għall-aħħar sensiela ta’ taħditiet qabel il-bidu tal-konferenza COP26 – organizzata min-Nazzjonijiet Uniti — li se ssir fil-bidu tax-xahar id-dieħel fi Glasgow, fl-Iskozja.
Dawn ir-rappreżentanti tal-pajjiżi li qed jiddiskutu s-sitwazzjoni waqt l-avveniment ‘ta’ qabel il-COP’ huma taħt pressjoni biex iwittu t-triq għal taħditiet ta’ sustanza akbar dwar il-klima li se jinvolvu lill-Presidenti u l-Prim Ministri tad-dinja.
Intant, il-laqgħat f’Milan se jkomplu sas-Sibt, bil-Ministri qed jgħidu li sar il-progress dwar numru ta’ issues. Fl-istess ħin, iżda, hemm sinjali li l-progress lejn miżuri effettivi għall-kontroll tal-bidliet fil-klima – b’mod partikulari l-global warming u l-greenhouse gases — qed ikunu mxekkla mill-kwistjonijiet dwar il-finanzjament tal-inizjattivi relatati.
Dan meta l-pajjiżi sinjuri, minkejja li wiegħdiet li ħarġu bihom s’issa, għad iridu jipprovdu mal-20 biljun dollaru oħra biex jilħqu t-tragward ta’ $100 biljun fis-sena – liema finanzi huma intiżi bħala għajnuna lill-pajjiżi l-foqra biex jikkontrollaw l-effetti mit-temperaturi tas-sħana.
Aktar kmieni fil-ġimgħa, iż-żgħażugħa Żvediża Greta Thunberg – li hi l-aktar attivista prominenti f’dan il-qasam – ikkritikat l-isforzi tal-politiċi biex jikkonfrontaw il-bidliet fil-klima bħala ‘ħafna diskors bla sugu li ilu għaddej għal għexieren ta’ snin’.
Hi qalet dan waqt summit dwar il-klima għaż-żgħażagħ f’Milan – iżda minkejja l-kritika konsistenti dwar in-nuqqas ta’ miżuri effettivi fil-konfront tal-global warming, diversi uffiċjali xorta qed jgħidu li ‘l-affarijiet bdew jiċċaqalqu fuq numru ta’ fronti’.
Dan meta, waqt li l-Assemblea Ġenerali tan-NU li ltaqgħet jiem ilu, l-Istati Uniti u ċ-Ċina ħarġu bi stqarrijiet inkoraġġanti dwar l-impenji tagħhom lejn it-tnaqqis tat-temperaturi u li għenu jtejjbu l-prospetti tal-COP26, fost it-tamiet li l-konferenza ta’ Novembru twassal tassew għall-iżviluppi konkreti fl-interessi tal-umanità.
//= $special ?>