Lokali Saħħa

“Ir-rapport ippreżentat minn Steward huwa sempliċiment rapport fotografiku” – PN

Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem għas-Saħħa Stephen Spiteri u mid-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia… b’referenza għall-istqarrija ta Steward, il-Partit Nazzjonalista jirriafferma li:

1.     Ir-rapport li ssottomettew huwa sempliċiment rapport fotografiku. Ma ppreżentaw l-ebda dokumentazzjoni li tissapportja dan is-suppost investiment. La rċevuti, la awditjar, xejn.

2.     Ir-rapport li ppreżentaw u issa din d-dikjarazzjoni ta’ Steward juri li minkejja  l-fatt li fuq perjodu ta’ ħames snin dawn irċevew għexieren jew mijiet ta’ miljuni mill-gvern huma naqsu li juru fejn hu l-investiment tagħhom. Ikun sew allura jekk jispjegaw lill-pubbliku fejn intefqu.

3.     L-investiment li għamlu fl-iskola medika ta’ Barts hu l-uniku proġett miljunarju li investew fih u hu investiment li jrendi lilhom biss u mhux lill-pubbliku in ġenerali. 

4.     Nisfidawhom juru li għamlu l-investiment ta’ €190 miljun li kienu kommessi li jagħmlu mill-ewwel jum u li eventwalment kellhom jirkuprawh mill-ħidma tagħhom.

5.     Nisfidawhom biex jippubblikaw l-pagamenti li rċevew mill-gvern biex iħallsu għax-xogħolijiet infrastrutturali li huma preżumibbilment għaddew lill-kumpanija Indjana li spiċċaw fl-accounts tal-kumpanija.

6.     Nisfidawhom juru fejnu ix-xogħol infrastrutturali, x-xogħol ta’ inġinerija, mediċi u investiment fit-tagħmir fost oħrajn 400 sodda fl-Isptar San Luqa.

7.     Nisfidawhom jirrinunzjaw għall-ftehim ta’ €100 miljun li ġie ffirmat bħala ħlas lilhom anke jekk il-kuntratt jitwaqqaf minħabba nuqqasijiet tagħhom u mhux minħabba xi nuqqas tal-gvern.

8.     Nisfidawhom jippubblikaw il-ftehim li bihom Ram Tumuluri tħallas €5 miljuni ta’ proġett li qatt ma ffunzjona.

Jekk Steward f’isimhom u bħala eredi ta Vitals jridu jagħtu rendikont ta’ għemilhom mal-poplu Malti, jistgħu flok jattakkaw lil min qed jipprova jġib lura l-isptarijiet lill-poplu, juru lill-poplu billi jippublikaw rapport awditjat u dettaljat huma stess. Fih jipprovdu l-irċevuti, pagamenti u ħlasijiet li għamlu u irċevew kollox awditjat. Fl-istess ħin iwieġbu fid-dettall għas-sejbiet u konklużjonijiet li diġá għamel l-awditur ġenerali li sal-lum qatt ma wieġbu għalihom. Liema rapport diġá jikkundanna dan it-tender u ftehim.