Lokali

“Ix-xandir pubbliku għandu jippromwovi sens ta’ demokrazija” – L-Arċisqof ta’ Malta

“Hu fl-interess ta’ kulħadd li l-Awtorità tax-Xandir ikollha l-poter li tipproteġi l-ġid komuni biex fl-aħħar mill-aħħar il-poplu jipparteċipa f’soċjetà ġusta.”

Kien dan il-messaġġ li wassal l-Arċisqof ta’ Malta, Charles J. Scicluna fl-omelija waqt quddiesa li saret fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fl-okkażjoni tas-60 anniversarju mit-twaqqif tal-Awtorità tax-Xandir.

L-Arċisqof qal li x-xandir pubbliku għandu jippromwovi sens ta’ demokrazija permezz ta’ informazzjoni li tingħata b’mod ħieles u mhux waħda ta’ ingann.

Hu ta ħarsa lejn il-pjattaformi ta’ informazzjoni, ir-radju u t-televiżjoni, u dak diġitali li qed joffru ideat u kritika pożittiva.

Lura fl-1961, propju fl-Indipendenza, l-Awtorità tax-Xandir kienet ngħatat l-irwol bħala parti mill-qafas tal-istituzzjoni ta’ pajjiżna.

Preżenti għal din il-quddiesa kien hemm numru ta’ mistednin distinti, fosthom il-President ta’ Malta George Vella u d-Deputat Nazzjonalista Karl Gouder.