Meta sema’ l-istorja ta’ qsim il-qalb ta’ Jaiteh Lamin… ħass li għandu jagħmel xi ħaġa biex jgħinu f’dan iż-żmien diffiċli.
“Tara l-istorja tiegħu, dan f’daqqa waħda spiċċa waħdu f’nofs ta’ triq, ‘il bogħod mid-dar, jibża’ li se jmur il-ħabs, jibża’ li se jmut. Xi ħadd, xi ħaġa jrid jagħmel. U jien provajt ngħin milli nista’.”
Hekk stqarr ma’ Net News Norbert Attard, sid il-kumpanija Clima755, li qed joffri xogħol lil dan ir-ragel barrani sabiex jgħinu f’dan il-perijodu li għaddej minnu. Hu qal li ma setgħax jemmen x’qed jisma’ meta ħarġet din l-istorja.
“Ixxokjajt ruħi,” qal Attard. “Bniedem ma titrattahx hekk. Naħseb lanqas ikun l-għadu tiegħek aħseb u ara bniedem li qed jgħinek fix-xogħol tiegħek. Jien kont ħaddiem u issa għandi ħaddiema tiegħi. Ma nistax nimmaġina kif taqbad tagħmel hekk.”
Hu stqarr illi kull imgħallem, f’ċirkostanzi simili, għandu dejjem joħroġ għonqu għall-ħaddiema tiegħu.
“Meta weġġali xi ħadd, dejjem ħadtu polyclinic,” qal Attard. “L-ewwel ħaġa li ngħidilhom biex joqgħodu attenti ma jweġġgħux, u t-tieni ħaġa, jekk iweġġgħu ngħidilhom jitilqu kollox minn idejhom u nieħodhom polyclinic.”
Wara dan l-inċident, Lamin għandu biża’ li mhux ser ikun jista’ jerġa’ jimxi…. b’riżultat li ma jkunx jista’ jitma lil uliedu, kaġun tal-ġrieħi li sofra; speċjalment wara li kiser is-sinsla ta’ dahru.
“Bniedem trid tistmah ta’ uman,” qal Attard. “Mhux se ngħallem lin-nies biex jitrattaw lill-oħrajn ta’ umani. Allaħares nispiċċaw hekk.”