Lokali

Kampanja informattiva dwar il-mard Kardjovaskulari

Laqgħa informali mal-Mezzi tax-Xandir fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Qalb

It-Tlieta 28 ta’ Settembru, l-Uffiċċju ta’ Novartis Pharma Services Inc. f’Malta organizza laqgħa informali għall-mezzi tax-xandir bis-sehem ta’ rappreżentanti mill-mezzi tax-xandir lokali.

L-Uffiċċju ta’ Novartis nieda uffiċjalment il-kampanja informattiva tiegħu bil-għan li jinħoloq għarfien dwar il-Mard Kardjovaskulari Aterosklerotiku (ASCVD), li huwa responsabbli għal aktar minn 85% tal-imwiet li jseħħu minħabba mard kardjovaskulari.

Il-preżentazzjoni bit-titlu `The Preventable Burden of Atherosclerotic Cardiovascular Disease (ASCVD)` ingħatat minn Dr Robert G. Xuereb, Chairperson tad-Dipartiment tal-Kardjoloġija fl-Isptar Mater Dei, u President tas-Soċjetà Kardijaka Maltija.

It-tieni preżentazzjoni bit-titlu ‘The Need for a Better Control of LDL-cholesterol (“bad cholesterol”) Levels to Tackle the Risk of Cardiovascular Disease` saret mill-Prof. Stephen Fava, Chairperson tad-Dipartiment tal-Mediċina fl-Isptar Mater Dei, u President tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija.

X’inhi l-Iperkolesterolemija Familjari (FH)?

L-Iperkolesterolemija Familjari (FH) hi disturb ġenetiku li jwassal għal LDL-C għoli li jibda mat-twelid, u jaffettwa bejn wieħed u ieħor persuna minn kull 250 madwar id-dinja. Jekk xi ħadd ikollu l-iperkolesterolemija familjari, il-ġisem jaf isibha bi tqila biex jirriċikla l-LDL-C. Saħansitra anke b’dieta u eżerċizzju xierqa, dak li jkun jaf xorta jibqa’ jsibha bi tqila biex jilħaq LDL-C b’saħħtu.

X’inhu l-Kolesterol LDL Għoli?

Livelli għoljin ta’ LDL-C (kultant imsejjaħ kolesterol “ħażin”) huma fost ir-riskji ewlenin li jwasslu għall-attakki tal-qalb u l-puplesiji. Minkejja dan, bosta huma dawk li qed jgħixu b’livelli ta’ LDL-C bil-wisq għolja minn dawk meqjusa bla periklu.

Il-kampanja informattiva dwar il-Mard Kardjovaskulari Aterosklerotiku u t-twettiq tagħha għandhom l-għan li jinfurmaw u jedukaw lill-pubbliku ġaladarba, kif stqarrew l-istess preżentaturi, wieħed jista’ jilqa’ minn kmieni għat-toqol tal-Mard Kardjovaskulari Aterosklerotiku. B’mod speċifiku, l-akbar riskju jinsab meta jogħla l-LDL-C (il-kolesterol tal-lipoproteina b’densità baxxa), magħruf ukoll bħala “l-kolesterol il-ħażin”.

Kif spjegaw it-tobba, l-aterosklerożi titfisser bħala t-tiġmigħ ta’ materjal imxaħħam mar-rita ġewwiena tal-arterji, magħruf ukoll bħala l-kisja “aterosklerotika”. Dawn il-kisjiet huma r-riżultat ta’ tiġmigħ kontinwu ta’ “kolesterol ħażin” mal-medda taż-żmien. Hekk kif il-marda tidħol aktar ’il ġewwa, ħafna nies ma jġarrbux xi sintomi qawwija sakemm il-kisja aterosklerotika tinqasam bla mistenni, u dan iwassal għal attakk tal-qalb jew puplesija.

Il-kontroll tal-LDL-C hu kruċjali

Huwa vitali li l-livelli tal-LDL-C jinżammu baxxi sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ attakki tal-qalb u puplesiji. Skont il-linji gwida Amerikani u Ewropej dwar il-kontroll tal-kolesterol fid-demm u tad-dislipidemiji, abbażi ta’ studji fuq firxa wiesgħa, ir-riskju li jseħħ episodju ta’ ASCVD jintrabat mal-LDL-C u jirrakkomandaw – apparti t-tibdil meħtieġ fil-mod kif wieħed jgħix (eż. dieta, eżerċizzju, eċċ.), – trattamenti bil-għan li jonqsu l-livelli tal-LDL-C filwaqt li jibqgħu jinżammu baxxi.

L-istatistika turina li hemm bżonn urġenti li tittieħed azzjoni minnufih kemm fil-kamp mediku kif ukoll f’dak farmaċewtiku (imma wkoll mill-istat). B’mod partikulari, il-mard kardjovaskulari huwa l-kawża ewlenija li twassal għal imwiet u diżabbiltajiet fuq livell dinji, minħabba li joqtol madwar 18-il biljun ruħ fis-sena. Dan l-għadd qed ikompli jiżdied u huwa mbassar li se jlaħħaq l-24 miljun mewta fis-sena, sas-sena 2030.

It-tnedija tal-kampanja informattiva biex jinħoloq għarfien dwar il-Mard Kardjovaskulari Aterosklerotiku (ASCVD) f’Malta tintlaqa’ b’dirgħajn miftuħin beraħ, l-aktar minħabba li l-istatistika turina li 75% tal-episodji kardjovaskulari li jfeġġu ta’ spiss jistgħu jiġu evitati kemm-il darba l-pazjenti jikkontrollaw aħjar l-LDL-C tagħhom (il-kolesterol tal-lipoproteina b’densità baxxa jew “il-kolesterol il-ħażin”),1 li huwa l-aktar fattur riskjuż li jista’ jitbiddel b’ħeffa. 

Għaldaqstant, huwa meħtieġ li l-pubblika jingħata tagħrif intensiv u qawwi sabiex jipprevjeni l-Mard Kardjovaskulari Aterosklerotiku (ASCVD), kemm billi jtejjeb il-mod kif jgħix kif ukoll billi jagħżel l-aktar trattament farmaċewtiku xieraq u effikaċji.

Biex tikseb aktar informazzjoni dwar il-mard kardjovaskulari żur https://www.fightcvd.com/

Dwar Novartis: Novartis qed terġa’ tfassal mill-ġdid il-mediċina sabiex ittejjeb u ttawwal il-ħajja tan-nies. Bħala kumpanija dinjija ewlenija tal-mediċina, aħna nużaw xjenza u teknoloġiji diġitali innovattivi biex jinħolqu trattamenti trasformattivi f’oqsma fejn il-ħtieġa medika hija kbira. Fil-mixja tagħna biex insibu mediċini ġodda, dejjem nispiċċaw fost l-ewwel kumpaniji dinjija li jinvestu fir-riċerka u l-iżvilupp. Il-prodotti ta’ Novartis jilħqu kważi 800 miljun ruħ globalment u qed insibu metodi innovattivi kif inwessgħu l-aċċess għall-aħħar trattamenti li qed noħolqu. Madwar 109,000 ruħ ta’ aktar minn 140 nazzjonalità jaħdmu ma’ Novartis madwar id-dinja. Ikseb aktar informazzjoni billi żżur https://www.novartis.com.