Coronavirus Lokali

Koppja li qed jiġġieldu l-battalja mal-kanċer għadhom ma rċivewx il-booster tal-Covid

Koppja li għandha iktar minn 70 sena u li t-tnejn qed jiġġieldu l-battalja mal-kanċer, għadhom ma rċivewx appuntament għall-booster tal-COVID-19. Dan fid-dawl li s-sitt xhur immunità, skont studji li saru, m’għadix effettiva fuqhom u b’hekk jinsabu f’riskju kbir għal saħħithom jekk jiġu wiċċ imb’wiċċ mal-virus.

Huma għamlu kuntatt fuq ‘145’, b’dawk li rrispondewhom qalulhom li għalissa kulma jistgħu jagħmlu hu li jistennew li jirċievu appuntament, bla ebda soluzzjoni oħra. Sar ukoll kuntatt fuq l-email covid-vaccine@gov.mt iżda l-messaġġ li rċievew lura kien sempliċiment li l-mailbox hi mimlija. B’hekk, l-email tagħhom ma tistax tasal.

Din il-koppja, li xtaqet tibqa’ anonima, qalet ma’ Net News li bħallikieku minsijin minkejja li huma tant vulnerabbli. Tobba u infermiera li jassistuhom saħqu li din il-koppja missha kienet ma’ tal-ewwel li tingħata l-booster.