Internazzjonali

Militanti Palestinjani jfissru l-alleanza mal-Iran bħala ‘parti mir-reżistenza lil Iżrael’

ll-grupp Palestinjan Ġiħad Iżlamiku — magħmul minn militanti li jopponu l-Ftehim tal-Paċi ta’ Oslo intiżi għall-paċi fil-Lvant Nofsani — spjega li l-alleanza tiegħu mal-Iran qed tinkwadra fl-impenn tar-reżistenza kontra ‘l-okkupazzjoni tal-artijiet tal-Palestina mill-Iżraeljani’.

L-istess kelliema qalu li r-reżistenza Palestinjana twaqqfet biex tikkonfronta lill-qawwiet Iżraeljani fit-territorji Palestinjani u li ‘dawn il-gruppi ta’ ġellieda u  l-Iran huma parti minn front għal kontra l-għadu Żionista (Iżrael) u l-alleati tiegħu.’

U filwaqt li uffiċjali militari Iranjani sostnew li l-gruppi Palestinjani għar-reżistenza ‘qegħdin jaħsbu biex jiddefendu l-interessi tal-Iran’ kelliema għall-Ġiħad Iżlamiku semmew biss ‘l-iskop biex jikkonfrontaw lill-militar Iżraeljan’ stazzjonat fix-Xatt tal-Punent.

Il-Ġiħad Iżlamiku Palestinjan kien iffurmat fl-1981 waqt li hu bbażat f’Damasku, fis-Sirja. Dan il-grupp u sitt movimenti oħra huma membri tal-Alleanza tal-Qawwiet Palestinjani, bil-għan komuni li jitwaqqaf Stat Palestinjan Iżlamiku bħala entità sovrana.