Għall-ewwel darba fl-istorja… pajjiżna qabeż in-nofs miljun persuna popolazzjoni… b’madwar 100,000 minnhom huma ta’ nazzjonalità barranija. Din iċ-ċifri mistennija tkun konfermata b’mod eżatt wara li jsir l-eżerċizzju taċ-ċensiment.
Dan hekk kif mill-Ġimgħa jingħata bidu għat-tmintax-il ċensiment tal-gżejjer Maltin. Ċensiment li din id-darba se jkun kemmxejn differenti mis-soltu hekk kif il-pibbliku jista’ jimla l-informazzjoni mitluba minnu online.
Fis-snin preċedenti ċ-ċensiment kien isir permezz ta’ rappreżentanti li jduru dar dar, iżda din is-sena dan jista’ jsir ukoll b’mod elettroniku… kif jispejga aħjar id-Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika Etienne Caruana.
“Din is-sena se jkollna ħafna modi ta’ kif tinġabar l-informazzjoni. L-ewwel fażi se tkun online fejn matul dawn il-ġranet li ġejjin id-djar Maltin se jkunu qed jirċievu ittra u f’din l-ittra se jkun hemm user name u password. Fejn matul Ottubru xi ħadd minn dik id-dar se jkun jista’ jirrispondi l-kwestjonarju online dwar il-persuni kollha li jgħixu f’dik id-dar.“

Imbagħad mit-8 sat-28 ta’ Novembru dawk li għal xi raġuni ma jkunux mlew il-kwestjonarju online, madwar 1,000 enumeratur se jkunu qed iduru l‘fuq minn 7,400 triq f’Malta u Għawdex biex jassistu lil dawn il-persuni. Dan il-kwestjonarju jista’ jintela wkoll permezz tat-telephone fejn l-informazzjoni kollha li tinġabar se ssir b’mod kunfidenzjali.
F’dan iċ-ċensiment, apparti informazzjoni fuq il-persuni se tkun qed tinġabar ukoll informazzjoni fuq id-djar.
“Apparti milli niġbru d-dettalji fuq in-nies se jkollna wkoll informazzjoni fuq id-dar biex naraw kif inbidlet, biex naraw kemm kibru, x’tip ta’ djar illum għandna, fejn jidher li llum għandna iktar appartamenti milli kellna qabel… dan kollu ħiereġ fid-dettall f’dan iċ-ċensiment.“
Id-Deputy Census Officer Silvan Zammit jispjegalna dwar meta huwa previst li toħroġ l-ewwel data minn dan iċ-ċensiment.
“Iċ-ċensiment, għalkemm l-informazzjoni kollha tinġabar relattiva għall-21 ta’ Novembru 2021 biex l-informazzjoni tkun korretta u għal kulħadd l-istess… il-proċess jieħu numru ta’ ġimgħat u xhur. Aħna qed nittargitjaw li l-ewwel informazzjoni toħroġ bejn Marzu u April tas-sena d-dieħla.“
Huwa previst li l-informazzjoni kompleta tkun konkluża lejn tmiem is-sema d-dieħla., fejn din l-informazzjoni mbagħad tgħaddi għand il-Eurostat.
“Fl-istess żmien nibdew noħorġu numru ta’ pubblikazzjonijiet li jkunu tematiċi, jiġifieri b’differenza minn ċensimenti oħrajn, din id-darba l-iskop tal-uffiċċju huwa li jidħol iktar fil-fond fuq oqsma partikolari – housing, qasam tax-xogħol, edukazzjon, stat ċivili, demokrafija u affarijiet oħra. “
Min ikollu bżonn iktar informazzjoni jew għajnuna kif jimla dan il-kwestjonarju, wieħed jista’ jċempel fuq in-numru 1710.