Gvern ġdid Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech, se jkun qed iwettaq proposti li huma marbuta mal-kwalità tal-ħajja tal-familji u tal-ħaddiema, biex jassigura li kull individwu jsib dak il-bilanċ bejn li jmur għax-xogħol u jaqla’ l-flus, kif ukoll il-ħin neċessarju biex ikun jista’ jgawdi l-familja, li tant hi importanti. Il-proposti huma investiment dirett fil-familji u l-ħaddiema Maltin u Għawdxin. U huwa investiment f’pajjiżna biex ma nibqgħux fost l-anqas pajjiżi li fih jitwieldu tfal fl-Unjoni Ewropea.
Kien għal dan l-iskop li l-Partit Nazzjonalista llum beda jħabbar il-proposti tiegħu li se jwasslu għal iktar bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja. F’konferenza tal-aħbarijiet l-Membru tal-Parlament Ewropew David Casa u l-kandidati għall-elezzjoni ġenerali Ivan Castillo, Graziella Attard Previ u Roselyn Borg Knight daħħlu fid-dettall tal-proposti.
PN fit-tmexxija se jkun qed jagħti ħlas liż-żewġ ġenituri waqt il-perijodu tal-Parental Leave.
L-ewwel proposta mħabbra kienet li jiġi estiż il-Paternity Leave. Bħala l-ewwel pass, il-ġurnata waħda paternity leave għall-missier tiġi estiża għal 15-il ġurnata sabiex tibda titnaqqas id-differenza mal-maternity leave tal-omm (18-il ġimgħa). Dan il-leave jitħallas kollu mill-Istat, suġġett għall-massimu stabbilit.
It-tieni proposta hi dik li jkun introdott ħlas liż-żewġ ġenituri waqt il-perjodu tal-Parental Leave. Dan ikun jikkonsisti fi 8 ġimgħat (xahrejn) ta’ Parental Leave offrut lil kull ġenitur imħallas mill-iStat, suġġett għall-massimu stabbilit. Dan il-parental leave irid jittieħed qabel mat-tifel jew it-tifla jagħlqu tmien snin. Dawk il-ġenituri li jaddottaw, ser ikunu wkoll intitolati għal dan il-Parental Leave, apparti mill-Adoption Leave. Anki foster carers ikunu intitolati.
It-tielet proposta hi dik li jkun hemm benefiċċji miżjuda għall-ġenituri self-employed. Dan billi jintuża mudell simili għal dak addottat bil-Maternity Leave Fund (mingħajr ma’ jiżdiedu piżijiet ġodda fuq is-self-employed) sabiex ġenituri self-employed ikunu wkoll intitolati għall-maternity/paternity leave u parental leave bl-istess kundizzjonijiet ta’ ġenituri li huma mpjegati. Dawn ikunu jistgħu jieqfu jaħdmu għal dan il-perjodu kollu, jew parti minnu, biex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb it-tarbija u jkollhom introjtu sikur fuq il-paga li jiddikjaraw; jew jistgħu juzaw dawn il-flus biex jimpjegaw lil xi ħadd matul dan il-perjodu kollu, jew parti minnu, biex l-azjenda tagħhom tkun tista’ tkompli topera.
Proposta oħra mħabbra kienet li jkun hemm skema ta’ appoġġ finanzjarju għal servizzi ta’ “child-minding” mat-tfal, għal ġenituri ħaddiema inklużi s-self employed. Dan billi jkun hemm sussidju jew Tax Rebate ta’ 50% ta’ l-ispiża għall-użu ta’ servizzi ta’ “nanny” ġewwa d-dar, għall-familja b’ġenitur/i li jaħdmu. Din l-iskema tapplika “per household” kemm dak immexxija minn ġenitur wieħed kif ukoll minn żewġ ġenituri, li huma in full-time employment, u li għandhom tfal taħt it-12-il sena. F’każ ta’ ġenituri li jaħdmu u li għandhom tfal b’diżabilitá, din l-iskema hija estiża sakemm it-tfal jagħlqu 16-il sena.
L-aħħar proposta mħabbra llum kienet dik ta’ leave ta’ luttu għall-ġenituri. Leave tal-Luttu għall-Ġenituri huwa perjodu ta ġimgħa jew ġimagħtejn leave li jista’ jittieħed fi kwalunkwe punt fi żmien 56 ġimgħa mill-mewt ta’ tifel jew tifla. Għall-finijiet ta’ dan, tifel jew tifla jkun jew tkun persuna ta’ taħt it-18-il sena li li jinkludi tarbija li tmut fil-ġuf waqt it-tqala. Fl-eventwalitá ta’ mewt fil-ġuf jew mewt bikri, id-drittijiet eżistenti tal-maternitá u l-paternitá xorta għandhom ikunu preżervati. Dan it-tip ta’ leave għandu jittieħed bħala ġimgħa sħiħa, ġimagħtejn konsekuttivi, jew ġimagħtejn separati f’perjodi differenti. Il-ġenituri għandhom 56 ġimgħa minn jum il-mewt li fihom jistgħu jieħdu l-Leave tal-Luttu għall-Ġenituri, u dan sabiex l-impjegati jkunu jistgħu jieħdu t-tieni ġimgħa tal-leave fl-anniversarju tal-mewt tat-tifel jew tifla, jekk ikunu jixtiequ jagħmlu hekk.
Aktar dettalji dalwaqt.
//= $special ?>