Lokali

Raġel iweġġa’ gravi wara li kien involut f’inċident bil-mutur

Raġel ta’ 50 sena sofra ġrieħi gravi wara li kien involut f’inċident bil-mutur. L-inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tat-tmienja u nofs ta’ filgħaxija fi Triq Reġjonali, taħt il-mini ta’ Santa Venera.

Mill-ewwel investigazzjonijiet li saru jidher li seħħet ħabta bejn mutur Honda SH150 misjuq minn raġel ta’ 50 sena residenti San Pawl il-Baħar u vettura Mazda Demio misjuqa minn raġel ta’ 29 residenti Ħaż-Żebbuġ.

Immedjatament fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza li ħadet lix-xufier tal-mutur l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa. Aktar tard, hu ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.