Illum, għall-ħabta tal-ħdax, il-Pulizija se tressaq il-Qorti lil Glen Farrugia, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Nadine Lia.
Hu ser jitressaq b’akkużi relatati mal-ħaddiem barrani li tħalla mitluq ferut fuq banikna fil-Mellieħa.
Fl-aħħar sigħat, dan l-immigrant li tħalla mixħut fuq il-bankina wara li waqa’ żewġ sulari saħaq li l-imgħallem tiegħu ordnalu biex jgħid li ntlaqat minn karozza. Waqt li kien qed jitkellem mat-Times of Malta, Jaiteh Lamin saħaq li l-imgħallem tiegħu qallu li ser jieħdu l-isptar iżda minflok, ħallieh f’ġenb fit-triq minħabba li ma kellux permess biex jaħdem.
Bid-dmugħ f’għajnejh iż-żagħżugħ saħaq li “Qatt ma kont naħseb li xi ħadd kien jasal jitratta bniedem b’dan il-mod”.
“Kont muġugħ ħafna u bdejt nibki…ħsibt li ser immut. Hu qalli biex ngħid lill-Pulizija li qlajt daqqa ta’ karozza. Jien staqsejtu għalfejn qed tagħmilli hekk? u rrispondini ‘Xi tridni nagħmel aktar?’” kompla jgħid Lamin.
Jirriżulta li minn eżerċizzju li sar sabiex jiġu elenkati l-kuntratturi li joperaw f’Malta, Farrugia lanqas kien irreġistra bħala kuntrattur.
