It-taħditiet kummerċjali bejn l-Awstralja u l-Unjoni Ewropea spiċċaw posposti b’riżultat tat-tilwima kbira bejn l-Awstralja u Franza minħabba s-sħubija għas-sigurtà magħrufa bħala Aukus u li tinvolvi patt ‘esklussiv’ bejn l-istess Awstralja, l-Istati Uniti u r-Renju Unit
L-Awstralja, ix-xahar li għadda, ħassret ftehim ma’ Franza – ekwivalenti għal 37 biljun ewro – għall-bini ta’ flotta ta’ sottomarini konvenzjonali. Il-Gvern Franċiż, intant, ħareġ diversi stqarrijiet li qed iħossu ‘ittradut’ talli l-Awstraljani ‘irtiraw minn kelmthom għall-iskaptu ta’ Franza’, b’din it-tilwima, illum, qed tkompli tħalli riperkussjonijiet anki fil-fora internazzjonali.
Intant, l-Awstralja – wara li warrbet għall-ftehim dwar is-sottomarini prodotti minn Franza — intrabtet biex tibni talanqas tmien sottomarin iġġenerati mill-enerġija nukleari u li jibbażaw fuq it-teknoloġija tal-Istati Uniti u r-Renju Unit.
Ladarba tħabbar il-ftehim magħruf bħala Aukus, Franza rtirat l-ambaxxaturi tagħha mill-Awstralja u l-Istati Uniti – u kien biss fl-aħħar sigħat li sar magħruf li l-ambaxxatur Franċiż għal Washington kellu jirritornu f’postu.
Sadanittant il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen – f’wirja ta’ solidarjetà ma’ Franza – esprimiet dubji dwar jekk l-UE tistax tasal għal ftehim kummerċjali mal-Awstralja.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Kummerċ Awstraljan, Dan Tehan, ma qalx jekk ‘xi parti mill-ftehim dwar is-sottomarini’ setgħetx wasslet għall-posponiment tan-negozjati mal-UE. Madankollu, hu kkonferma li r-rawnd li jmiss tat-taħditiet li kellhom jibdew fit-12 ta’ Ottubru għandhom isiru f’Novembru – u meta hu, il-ġimgħa d-dieħla, mistenni jiddiskuti s-sitwazzjoni mal-Kummissarju tal-UE għall-Kummerċ, Valdis Dombrovskis.
L-aħħar rawnd ta’ taħditiet dwar ftehim kummerċjali bejn l-UE u l-Awstralja sar f’Ġunju u r-rawnd li jmiss mistenni li jinkludi numru ta’ suġġetti — fosthom il-kummerċ, l-investiment u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.
L-UE hi t-tielet l-akbar sieħba kummerċjali tal-Awstralja – bil-kummerċ fil-prodotti u s-servizzi jammontaw għal kważi 62 biljun ewro matul is-sena li għaddiet.
//= $special ?>