Lokali

Bżonn ta’ riforma serja fil-Pensjonijiet

Gvern ġdid Nazzjonalista jara li ssir riforma serja fis-sistema tal-Pensjonijiet ħalli jkun mgħejjun min għandu bżonn l-aktar.

Hekk iddikjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta ltaqa’ ma’ delegazzjoni mill-Kunsill Nazzjonali tal-Anzjani u għaqdiet affiljati fi ħdanu fil-ġurnata internazzjonali ddedikata għalihom.

Bernard Grech qal li, għall-Partit immexxi minnu, l-Anzjani m’humiex il-passat, iżda l-preżent, għax dak li għaddew minnu għandu jgħallimna fl-esperjenzi tal-ħajja li ngħaddu minnhom ta’ kuljum.

Hu kompla li l-Anzjan m’għandux jingħata valur għax il-Liġi titlob hekk, iżda għax verament jemmen li għandu valur.

Dwar l-għoli tal-ħajja, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dawk li jgħaddu bil-Pensjoni, huma l-aktar li qed iħossu l-għafsa li ġġib magħha din l-isfida. Għaldaqstant, hemm bżonn nuru rispett lejn min sawwar lil pajjiżna, filwaqt li nifhmu li d-dinja ma bdietx illum.

Bernard Grech tenna li għalih u għall-Partit li jmexxi, l-Anzjani m’humiex biss nota fl-aħħar tal-paġna, iżda l-parti ewlenija tal-paġna tal-ħajja.

Min-naħa tagħhom, ir-rappreżentanti tal-Kunsill Nazzjonali tal-Anzjani u l-għaqdiet affiljati nnutaw kif il-pandemija tal-Covid-19 kissret is-saħħa mentali tal-Anzjani u tan-Nanniet. Għaldaqstant, huma appellaw biex ikunu kkonsultati aktar fit-tfassil tal-politika li taffettwahom direttament.

Huma ssuġġerew li dawk l-anzjani li matul ħajjithom ħadmu fid-dar biex jieħdu ħsieb lill-familja għandhom jingħataw forma ta’ remunerazzjoni finanzjarja.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mill-Kelliem għall-Anzjani Maria Deguara, kif ukoll minn Uffiċjali tal-Assoċjazzjoni Pensjonanti Anzjani Nazzjonalisti (APAN).