Ekonomija Lokali Unjoni Ewropea

Bżonn urġenti li ngħinu lill-industrija Maltija tikkompeti fuq ‘level playing field’ mal-kompetituri fl-Ewropa

Gvern ġdid Nazzjonalista jindirizza minnufih l-iżvantaġġ kompetittiv li qed jaffrontaw fabbriki, kumpaniji u importaturi biex jesportaw jew jimportaw il-prodotti b’sistema ta’ sostenn li ttaffi parti mill-iżvantaġġi attwali. Jeħtieġ ngħinu lill-industrija Maltija tikkompeti aktar ‘on a level playing field’ mal-kompetituri tagħha f’pajjiżi oħra. Dan qalu l-kelliem tal-Partit Nazzjonalista Peter Agius f’messaġġ lill-media minn ġo fabbrika fil-qasam industrijali tal-Marsa flimkien mal-kandidati tal-Partit Nazzjonalista Joseph Grech u Stefan Caruana. 

Minn eżami ta’ quotations spjegati mill-kelliem li jqabblu l-esportazzjoni ta’ pallets ta’ prodotti minn Malta mqabbla mal-esportazzjoni tal-istess pallets minn Sqallija lejn Franza joħroġ li l-industrija Maltija qed taffronta prezzijiet tat-trasport li jkunu sa 44% għola. Id-differenza fuq konsenja waħda tal-istess piż fissret differenza ta’ €1600 ta’ prezz miżjud fuq il-prodott Malti. Fuq konsenja ta’ prodotti farmaċewtiċi (high value) dan iħalli impatt ta’ 6% fuq il-prezz. Il-prodott Malti irid allura jkun diġà 6% irħas biex jibda jikkompeti.

Fuq prodotti ta’ manifattura ta’ valur anqas, dan l-impatt tal-prezz tat-trasport ikun ħafna akbar. Għalhekk, spjega Joseph Grech, huwa fundamentali li pajjiżna iniedi sistema ta’ sostenn għall-esportazzjoni u l-importazzjoni, għax b’hekk biss inkunu nistgħu naraw li jkun hemm ‘level playing field’ għall-manifattura Maltija.

Il-PN qed jirrispondi għal din is-sejħa permezz ta’ proposti studjati li jinvolvu l-operaturi kollha fil-katina tad-distribuzzjoni u t-trasport u li jserrħu fuq l-appoġġ ta’ fond apposta li fl-ewwel sena biss ipoġġi 40 miljun euro ta’ finanzjament b’appoġġ dirett lill-kumpanniji Maltin. 

Il-kandidat Stefan Caruana spjega wkoll kif l-impatt tal-prezzijiet tat-trasport ifissru għoli tal-prezzijiet għall-konsumatur Malti kif ukoll impatt dirett fuq l-impjiegi hekk kif l-industrija li tkun taħt pressjoni bil-prezzijiet tat-trasport issibha aktar diffiċli tinvesti f’pagi u kundizzjonijiet aħjar. Jeħtieġ nindirizzaw l-impatt tal-prezzijiet jogħlew tat-trasport permezz ta’ politika studjata li tintervjeni b’mod strateġiku b’appoġġ lill-industrija Maltija.