Edukazzjoni Lokali

Għat-tieni sena, tfal b’diżabbiltà reġgħu imċaħħda mid-drittijiet tagħhom

Għat-tieni sena konsekuttiva, tfal b’diżabbiltajiet varji qed jerġgħu jiġu esklużi, emarġinati u mċaħħda mid-dritt tagħhom li jieħdu l-edukazzjoni tagħhom fil-klassijiet bħal sħabhom.

Dan minkejja li ftit tal-ġimgħat ilu biss staqsejna lill-Ministru tal-Edukazzjoni Justyne Caruana tistax isserraħ ras il-ġenituri li dawn it-tfal kienux se jkunu jistgħu jattendu fiżikament. Dakinhar, il-Ministru għallewwel faħħret lilha nnifisha għal dak li hi tqis bħala suċċess fil-qasam tad-diżabbilta…. imbagħad saħansitra tefgħetha fuq il-ġenituri u qalet li min ma bgħattx it-tfal l-iskola s-sena li għaddiet għamel dan b’għażla tiegħu.

Iżda din is-sena jumejn biss wara l-ftuħ tal-bibien tal-iskejjel, diġà hemm numru ta’ tfal li qed ikunu sfurzati jibqgħu id-dar.

Qarib ta’ tifel b’diżabbiltà spiċċa jirrikorri fuq Facebook fejn qal li minkejja li kienu mwegħda li t-tifel kien se jibda skola b’mod regolari mill-Ġimgħa, lejliet irċevew telefonata fejn qalulhom biex iżommu t-tifel id-dar.

Fil-post, hu jistaqsi għalfejn l-awtorita tal-edukazzjoni kkonfermat li t-tifel jista’ jattendi u li kellhom kollox ippreparat u meta waslet il-ġurnata, t-tifel ġie mċaħħad.

Jistaqsi jekk hux kwistjoni ta’ nuqqas ta’ flus, u jirrimarka li missejna l-qiegħ.

Dawn iċ-ċirkostanzi huma kollha riflessjoni tad-diżorganizzazzjoni u n-nuqqas ta’ ppjanar mill-Ministeru tal-Edukazzjoni.

Is-sitwazzjoni tal-LSEs tant tħalliet tiddeġenera li issa tfal li skont il-bord tal-istatementing għandhom ikollhom is-sostenn kontinwu ta’ LSE tul il-ġurnata skolastika sħiħa, qed jitnaqqsilhom is-sapport għal shared minflok full time. Dan kontra r-rakkomandazzjonijiet li fuqhom student ikun ingħata s-sostenn ta’ LSE mill-Bord li xogħolu hu propju li jara x’tip ta’ għajnuna għandu bżonn dak l-istudent.

Ġenituri ta’ tfal b’awtiżmu u ADHD fost l-oħrajn  jinsabu rrabbjati għax dan qed jerġa’ joħloq stress kbir fuq uliedhom għat-tieni sena infila… meta dawn għandhom bżonn is-sigurtà tar-rutina u l-konsistenza.