Lokali

Il-PBS qed jikkwota kif jaqbel lill-Gvern

Il-kamra tal-aħbarijiet ta’ TVM il-Ħamis ma rrappurtatx ir-risposta tal-Partit Nazzjonalista għal dak li qalet Steward Health Care b’reazjoni għall-iżviluppi dwar il-kawza li d-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia kien fetaħ dwar l-iskandlu tal-Vitals meta kien Kap tal-Oppożizzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrija bi tminn punti skjetti dwar dak li qalu s-sidien privati li wirtu l-iskandlu tal-Vitals – u li turi kif ma wettqux l-investiment li suppost sar.

Il-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Television Malta minflok indagat il-prezz li qed iħallas il-poplu għal dan il-kuntratt korrot tal-Vitals, għażlet li tirraporta dak li qalet il-kumpanija privata mingħajr ma tirraporta r-reazjoni tal-Partit Nazzjonalista.

Nies fil-qasam tax-xandir qalu lil Net News li l-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Television Malta f’dan il-każ reġgħet mxiet b’riga differenti.

L-istatistika uffiċċjali kif miġbura minn analisti għal Net News turi li fil-Bulettin tal-aħbarijiet tal-Ħamis, TVM għal darb’oħra ddedika iktar minn nofs il-bulettin biex iwassal il-messaġġi u l-konferenzi tal-Gvern Laburista u ddedika biss f’4% tal-ħin dwar il-fehmiet tal-Oppożizzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista qal li dan hu aġir inaċċettabbli lejlet elezzjoni ġenerali u l-Awtorita’ tax-Xandir għandha tieħu azzjoni minnufih biex tiżgura li l-Kamra tal-Aħbarijiet tal-PBS timxi b’riga editorjali li tagħti stampa veritiera ta’ dak li qed jiġri f’pajjiżna.

Tags