Għall-Partit Nazzjonalista dejjem kienu s-sisien tal-valuri għax kienu dawk li sawru l-pajjiż għal kif inhu llum.
Kliem l-eks Prim Ministru u eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Lawrence Gonzi waqt sessjoni speċjali ta’ “Niltaqgħu ma’ …” organizzata mill-Assoċjazzjoni Pensjonanti Anzjani Nazzjonalisti (APAN) fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għall-Anzjani.
Lawrence Gonzi fakkar kif Gvern Nazzjonalista wara l-ieħor ra li jsaħħaħ is-servizzi għall-Anzjani, partikolarment biex dawn – kemm ikun possibbli – jibqgħu jgħixu fil-komunità. Qal li, jekk wieħed iħares lejn is-servizzi li l-Anzjani jgawdu minnhom, isib li dawn kważi kollha nħolqu mill-Partit Nazzjonalista.
Tenna li l-Partit Nazzjonalista dejjem ra wkoll li l-Anzjani jibqgħu jaħdmu, tant li kien ta l-Pensjoni anke lil min jibqa’ jaħdem. Dan filwaqt li ra li l-Anzjani jieħdu l-Pensjoni sħiħa minflok iż-żewġ terzi, kif kien jagħti l-Gvern Laburista ta’ Dom Mintoff.
Barra minhekk, Gvern immexxi minnu kien ta 300 ewro lill-Anzjani li jibqgħu jgħixu fil-komunità, filwaqt li ż-żieda tal-għoli tal-ħajja wkoll bdiet tingħata sħiħa lill-Anzjani kollha. Dan meta fakkar li, meta pajjiżi oħrajn kienu għarkupptejhom kawża tal-kriżi ekonomika internazzjonali, f’pajjiżna ħadd ma miet bil-ġuħ.
L-eks Prim Ministru fakkar li l-Gvernijiet Nazzjonalisti taw dinjità lill-Anzjani bil-ħolqien ta’ San Vinċenz de Paul, li ħa post Ħas-Serħ, li kien qisu kundanna għall-Anzjani tagħna. Hu għalhekk li jmissna niftħaru b’Malta u Għawdex tagħna meta l-unika riżorsa li għandu pajjiżna hi l-bniedem.
L-attività kienet indirizzata wkoll mill-eks Ministru Louis Galea, li qal li l-Partit Nazzjonalista dejjem ra li jirringrazzja lill-Anzjani għas-sehem li taw u jibqgħu jagħtu lill-pajjiż. Dan anke għax dejjem jara li l-bniedem għandu jinżamm fiċ-ċentru tal-politika tiegħu.
Hu fakkar kif saħansitra matul il-leġislatura ta’ Ġorġ Borg Olivier, wara li nkisbet l-Indipendenza, Gvern Nazzjonalista – permezz tal-Ministru Ċensu Tabone – kien appella lin-Nazzjonijiet Uniti biex il-pajjiżi jieħdu ħsieb kif il-popolazzjoni qed tixjieħ.
Aktar riċenti, Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Eddie Fenech Adami, fl-1987, fetaħ Residenzi għall-Anzjani f’ħafna lokalitajiet, filwaqt li ra li t-taħriġ lill-Infermieri u l-Carers ittella’ fil-livell Universitarju. Għal dan il-għan kien infetaħ l-Istitut għall-Kura tas-Saħħa, filwaqt li llum jingħataw digrieti u anke Masters, kif ukoll korsijiet fl-MCAST.
Louis Galea qal li llum qed naqtgħu l-frott ta’ dik il-viżjoni li dejjem kellhom Gvernijiet Nazzjonalisti, meta qed ikun stmat li sa 10 snin oħra, 25 fil-mija tal-popolazzjoni se jkollha aktar minn 65 sena, filwaqt li 15 fil-mija oħra se jkollhom aktar minn 75 sena.
U meta l-bniedem qed jgħix aktar, bi tnaqqis fit-twelid ta’ tfal, staqsa kif fil-futur se nkunu kapaċi niffinanzjaw dan is-settur .
Matul il-laqgħa, li għaliha attendiet ukoll il-Kelliema tal-Partit Nazzjonalista Maria Deguara, ingħatat tislima lil Mario Mifsud Bonnici – ħu l-eks Segretarju Parlamentari Antoine Mifsud Bonnici – li għal diversi snin serva fis-sigurtà tad-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>