Meta kien qed jitkellem waqt is-sena Forensi, l-ftuħ tal-istaġun tal-Qorti l-Prim Imħallef Mark Chetcuti għamel appell lill-Gvern biex filwaqt li għandha tiġi ndirizzata il-problema ta’ nuqqas ta’ mpjegati varji fil-Qrati dawn għandhom ikunu ħaddiema kapaċi.
Fil-preżenza tal-President ta’ Malta George Vella, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru tal-Ġustizzja Edward Zammit Louis flimkien ma’ għadd ta’ Imħallfin, Maġistratu u eks ġudikanti, l-Prim Imħallef qal li l-ġudikatura għandha diversi sfidi u li hemm bżonn ta’ pjan fit-tul mingħajr ma wieħed jelimina r-riformi li għandhom ikomplu jsiru b’mod immedjat.
Semma wkoll il-ħtieġa li l-impjegati tal-Qorti jingħataw pagi adegawati b’karriera għall-futur u b’aġġornament kontinwu fil-qasam tal-ġustizzja. “Bħal karozza li ikollha bżonn żejt tajjeb i-ġudikant għandu kollu l-għodda biex jaħdem sew.
Il-President tal-Qorti qal li hemm il-bżonn ukoll ta’ impjegati assenjati direttament mal-ġudikatura. Tenna li l-ħaddiema għandhom ikunu persuni ppreparati tajjeb akkademikament u kapaċi fl-użu tal-informatika u l-prattiċi legali u proċedurali li fihom ikunu assenjati.
“F’suq kompettitiv, biex tattira dawn in-nies trid toffri pagi adegwati għax-xogħol, b’inċentivi ta’ avvanz fil-karriera, u f’qafas fejn it-tagħlim tal-impjegat ikun ingħata qabel jkun assenjat fis-settur li fih se jaħdem u b’aġġornament kontinwu biex jaddattaw ruħhom għal kull bidla fil-qasam tal-ġustizzja.
Il-Prim Imħallef qal li ż-żieda kbira fin-numru ta’ kawżi ta’ kull xorta tul iż-żmien qed ipoġġi pressjoni akbar fuq in-numru ta’ ġudikanti li hemm bħalissa. Tenna li ġew mogħdiija ħafna liġijiet uħud ta’ natura speċjaliżżata li tefgħu pressjoni akbar fuq il-ġudiknati.
Iż-żieda fin-numru ta’ ġudikanti din l-aħħar sena għenet biex jitqassam ftit mix-xogħol pero, n-numru tagħhom f’kull kompetenza mhux biżżejjed biex ilaħħaq man-numru dejjem jiżdied ta’ kawżi u fl-istess ħin jinqata’ l-backlog. Dan jgħodd għall kull Qorti mhux biss f’Malta iżda anke f’Għawdex b’eluf ta’ kawżi li jidħlu kull sena li jridu jinqasmu bejn 23 Maġistrat. Il-Prim Imħallef Chetcuti qal li hemm 47 ġudikant u 30 awla, li jintużaw ukoll minn tribunali speċjalizzati ħafna drabi wara nofs inhar.
Semma wkoll il-fatt li l-ispazju huwa ristrett ukoll fil-Qorti tal-Familja fejn hemm bżonn ta’ spazju addattat għall-proċeduri sensittivi li jmissu kwistjonijiet ta’ relazzjonijiet personali u tfal. L-istess jista’ jingħad għall-Qorti Kriminali fejn hemm awla waħda biss biex taqdi ċ-ċelebrazzjoni ta’ ġurijiet u smigħa ta’ appelli mill-Qrati Inferjuri.
Huwa appella wkoll kontra s-sensazzjonaliżmu tal-media fejn appella biex ir-rapporti jkunu aktar fattwal, l-aktar ukoll waqt proċeduri li jkunu għadhom ma ġewx deċiżi. Huwa semma wkoll il-kritika fuq id-dewmien ta’ proċeduri li mhux raġonevolment aċċettabbli qegħda hemm u issa ilha hemm għal diversi snin. Hu ċar qal li s-sistema ġudizzjarja għandha diffikultajiet u sfidi mhux żgħar.